Erba’ għaqdiet mhux governattivi se jkunu qed igawdu minn proġett ta’ housing speċjalizzat, b’investiment ta’ miljun ewro.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, li qal kif dawn l-għaqdiet mhux governattivi ġew allokati propjetajiet tal-Gvern li tħallew għal snin twal fi stat t’abbandun u se jingħataw il-fondi neċessarji sabiex iwettqu x-xogħlijiet fihom ħalli jkunu jistgħu joffru servizz speċjalizzat.
Dawn l-erba’ proġetti huma Dar Qawsalla f’San Ġwann li se tkun f’idejn l-Moviment għad-drittijiet tal-persuni omosesswali l-MGRM, il-YMCA Communal House fil-Belt Valletta li se tkun f’idejn l-YMCA Malta, Dar Mixtla f’Birkirkara li se tkun f’idejn il-Fondazzjoni Sebħ u l-estensjoni ta’ Dar Tereża f’Bormla, li se tkun f’idejn il-Fondazzjoni Richmond.
L-estensjoni ta’ Dar Tereza tfisser li minn tliet familji, issa se jkun hemm iżjed familji li jgħixu fiha. Dan intqal minn Stephanie Dimech Sant mill-Fondazzjoni Richmond, fejn permezz ta’ dan il-proġett se jkunu qed jgħinu ommijiet bi problemi ta’ saħħa mentali.
“Grazzi għal din l-estensjoni anke għaż-żieda tal-fondi, dan il-proġett illum anke se jkun aħjar milli kien intenzjonat fil-bidu. Aħna grati u qegħdin inħarsu b’ħafna entużjażmu biex nibdew naħdmu fuq dan il-proġett biex infittxu naraw il-familji anke jutilizzaw dan is-servizz.”
Il-Ministru Roderick Galdes spjega kif l-għeruq ta’ dan il-proġett ġej mill-esperjenzi taż-żgħażagħ u nies oħra mis-soċjetà li l-vuċi tagħhom sabet widen minn dan il-Gvern.
“Qed insaħħu wkoll l-akkomodazzjoni soċjali, iktar minn hekk imma qegħdin nikkreaw servizz ġdid li sal-lum qatt ma kien jeżisti fil-pajjiż. Aħna naħdmu, għandna l-alleati tagħna li huma l-NGOs, huma dawk li qed jipprovdu diġà servizz volontarju imma wkoll servizz professjonali fl-istess ħin.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal kif nies fis-soċjetà, l-ewwel li jersqu hija lejn l-għaqdiet mhux governattivi.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qal kif il-Gvern qed juri bil-fatti li qed jgħin lis-settur tal-volontarjat.
“Bil-fatti l-Gvern ikompli juri u jikkonferma kemm is-settur tal-volontarjat huwa sieħeb strateġiku, sieħeb strateġiku li permezz tiegħu qegħdin nidħlu fil-komunitajiet u nagħmlu tabilħaq differenza fil-ħajja tan-nies.”