L-Artista Josette Casha ppreżentat pittura lil Dr Lydia Abela li hi relatata ma’ żmien il-Milied biex tiġi rkantata għal skopijiet ta’ riċerka dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal–ġeneru. Dan sar waqt żjara li Dr Lydia Abela għamlet fil-berġa t’Aragona fejn kienet milqugħa mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rosianne Cutajar.
Dr Lydia Abela rringrazzjat lill-Ministru Edward Zammit Lewis u lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ta’ din l-inizjattiva. Hija saħqet dwar l-importanza li jibqa’ jkun imsaħħaħ l-għarfien fuq il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Din hi waħda mid-diversi attivitajiet li qed isiru sabiex tkompli tkun miġġielda din il-pjaga soċjali. Is-Sinjura Abela qalet li din il-pittura se tkun irkantata bil-għan li l-flus miġbura jmorru għall-Università ta’ Malta sabiex issir riċerka dwar dan is-settur tant sensittiv.
Min-naħa tagħhom Dr Edward Zammit Lewis u Rosianne Cutajar qalu li jħossuhom onorati li għal din is-sena l-kawża tant importanti għal pajjiżna qed issir taħt il-patroċinju ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela. Dan juri l-impenn tal-Gvern biex din il-pjaga soċjali tiġi miġġielda mhux biss b’investimenti kbar li qed jagħmel il-Gvern iżda bid-diversi modi disponibbli li għandna f’Malta.
L-Artista Josette Casha spejgat li din il-pittura semmietha ‘Bewsa’ u turi t-twelid ta’ Ġesù Kristu. Il-bewsa tal-omm qaddisa lil binha Ġesù turina l-imħabba sħiħa u dejjiema bejn iż-żewġ karattri qaddisin filwaqt li t-tgħanniqa ħelwa tirrappreżenta l-merħba u l-miġja tas-Salvatur u l-Ħallieq tad-Dinja.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza ntqal li aktar inizjattivi relatati mas-16-il Jum ta’ Attiviżmu se jsiru fil-jiem li ġejjin.
Ritratti (DOI/MJEG)