Il-Gvern se jkun qed iġib 25,000 doża tat-tilqima tal-influwenza kull ġimgħa, għal xahar sħiħ.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, fil-jum tal-Ħadd, meta reġgħet bdiet tingħata t-tilqima fiċ-ċentri tas-saħħa ta’ Malta u Għawdex, 7,796 persuna ħadu t-tilqima għal kontra l-influwenza.
Il-Ministeru għas-Saħħa kien qal li nhar l-Erbgħa li għadda waslet it-tieni kunsinja tal-vaċċin tal-influwenza.
Għat-tilqima qed jingħataw prijorità persuni ‘l fuq minn 55 sena, tfal li għandhom bejn 3 u 5 snin u persuni li huma ċċertifikati li jbatu minn mard kroniku.
Iċ-ċentri tas-saħħa kollha huma miftuħa mit-8am sas-7pm.
Kull min imur jieħu l-vaċċin kontra l-influwenza għandu jieħu miegħu l-karta tal-identità u fil-każ tal-persuni li jbatu b’mard kroniku trid tkun ppreżentata l-kartuna s-safra jew ċertifikat tat-tabib li turi l-kundizzjoni medika tal-persuna.
Mit-Tnejn, 7 ta’ Diċembru l-vaċċin mistenni jibda jingħata lill-pubbliku inġenerali.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin jappellaw lil kulħadd biex jitlaqqam.