Se jkunu qed jingħataw €95,000 kull sena għal 5 snin lill-Università ta’ Malta biex ikunu organizzati korsijiet f’Għawdex. Fi stqarrij maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex intqal li l-ftehim se jkun imġedded awtomatikament għall-perjodi suċċessivi ta’ 5 snin.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Minsitru għal Għawdex Clint Camilleri. Huwa spjega li l-Università ta’ Malta se tkun tista’ tuża wkoll parti mill-fondi allokati lilha mill-Ministeru għal Għawdex għall-manutenzjoni, għar-rinovazzjoni u għal spejjeż oħra relatati u meħtieġa għall-manutenzjoni u għaż-żamma tal-Kampus ta’ Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saħaq li ftehimiet bħal dawn huma importanti sabiex dan il-Gvern jibqa’ jinvesti fl-istudenti Għawdxin anke f’dik li hi edukazzjoni terzjarja.
Min-naħa tiegħu r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, qal li l-Università se tkun qed tipprovdi servizzi li jikkonsistu f’korsijiet offruti minnha jew korsijiet u programmi edukattivi oħra koordinati minnha, fil-Kampus ta’ Għawdex tal-Università fix-Xewkija. Dawn is-servizzi għandhom jinkludu wkoll l-għoti ta’ għarfien relatat ma’ dawn il-korsijiet u / jew programmi edukattivi.
Ritratti (MGOZ)