Infrastruttura Malta tinsab impenjata bl-ewwel fażi tal-proġett ta’ arja nadifa fil-Port il-Kbir.
Proġett li se jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija li jkunu sorġuti fl-istess port u li qed isir b’investiment ta’ kważi €50 miljun.
B’hekk il-vapuri jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew bil-heavy fuel oil b’riżultat li jnaqqsu drastikament id-dħaħen li joħorġu miċ-ċmieni tagħhom u minflok jitqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt.
Dan sabiex iħaddmu l-bqija tal-makkinarju għas-servizzi kollha.
Dan se jgħin sabiex fuq medda ta’ 20 sena Malta tiffranka sa €375 miljun fi spejjeż ikkawżati mit-tniġġis fl-arja, bħal dawk ta’ saħħa u kura medika kif ukoll sabiex jittaffew l-impatti tat-tniġġis fuq l-ambjent.
Fil-fatt skond studju Ewropej l-ekwivalenti tal-emmissjonijiet ta’ vapur sorġut fil-Port il-Kbir għal 8 sigħat huwa ta’ 300,000 karozza jsuqu f’daqqa miċ-Ċirkewwa sa Marsaxlokk.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol tkellimna mal-Kap tat-Taqsima Marittima fi ħdan Infrastruttura Malta, il-Perit Janice Borg hekk kif spjegat ix-xogħol li qed isir bħalissa.
Hija qalet: “Bdejna xogħlijiet min-naħa tal-art fejn qed niftħu t-trinek u bdew jitpoġġew il-cables li se jkunu qed jgħaqqdu mal-Marsa North Distribution centre. Fejn nistgħu se nkunu qed nużaw culverts eżiztenti u fejn ma hemmx ovjament qed niftħu trinek ġodda.”
Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg sostna kif dan il-proġett jagħmel il-Port il-Kbir wieħed mill-ftit portijiet fl-Ewropa li se jopera b’din is-sistema tassew ħabiba tal-ambjent.
Il-Ministru Borg qal: “Qed nagħmlu l-infrastruttura biex ġaladarba il-bastiment jidħol, jitfi l-magni, jieqaf iniġġes u jaqleb fuq l-elettriku u nfakkaru kif dan il-Gvern l-elettriku qed jipproduċih b’mod nadif għaliex investejna f’powerstation li taħdem bil-gass naturali.”
Intant is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif għal dan il-proġett, il-Gvern Malti akkwista l-fondi Ewropej.
Huwa qal: Għal dan il-proġett ġew akkwistati €21.9 miljun mill-Connecting European Facility. Dawn huma fondi addizzjonali għal dak li kienet diġà kisbet Malta. Fondi apposta biex isir dan il-proġett.”
Zrinzo Azzopardi qal li bħalissa qed isiru preparamenti biex tiġi installata sistema simili fil-Port Ħieles. Dan qed isir skont miżura tal-baġit imħabbra din is-sena.
Dawn il-fondi ġejjin mill-iskema Ewropea li tappoġġja infrastruttura għal trasport aktar sostenibbli.