Ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta li kien jintuża fiż-żmien għall-operazzjonijiet tas-salvataġġ sab postu fi klassi tal-kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST fejn ser ikun qed jintuża sabiex l-istudenti tal-avjazzjoni jkunu jistgħu jitgħallmu bl-aħjar mod l-anatomija tal-ajruplan, u kif isir ix-xogħol fuq partijiet differenti minnu.
Qal kif, “Meta jaraw dan l-ajruplan, l-istudenti jistgħu jivviżwalizzaw dak li qiegħdin jaraw fin-notes, dawk li qed jaraw fil-kotba, ġol-workshop tagħhom, jiġifieri huma, din hija l-klassi tagħhom. Aħna l-MCAST hawnhekk nemmnu bi klassi ħajja fejn l-istudenti mhux qed jara slides, mhux qed jara powerpoints biss imma qed jara l-ajruplan. Jiġifieri l-lecturer ħa jmur fuq l-ajruplan u jgħidlu, dan il-ġewnaħ, dan il-magna, hekk tkun. L-istudenti hekk ħa jivviżwalizzaw iktar u jkunu iktar interessati f’dak li qed jiġri.”
Student fil-qasam tal-avjazzjoni, William Grima stqarr li dan il-mod prattiku ta’ kif isir it-tagħlim jgħin ikabbar it-tagħrif akkademiku tiegħu, filwaqt li jħejjieh bl-aħjar mod għad-dinja tax-xogħol.
Spjega kif, “Nippreferi iktar milli teorija u hekk, nippreferi iktar prattika. Dan l-ajruplan għandu jgħini għax ifhimni iġġib l-esperjenza fuq ix-xogħol u jkollok idea ħafna aħjar min fuq in-notes. Jekk għandek xogħol fejn ma tistax taħdem sew pereżempju, ħa ġġib l-esperjenza kif għandek toqgħod, kif għandek timxi mal-manuals.”
Kim Debono li diġà tagħmel parti mill-Forzi Armati ta’ Malta stqarret ma’ ONE News kif permezz ta’ taħriġ fl-MCAST ser tkun qed tikseb liċenzja sabiex issir technician fuq l-inġenji tal-ajru mal-Forzi Armati ta’ pajjiżna.
Qalet kif, “Jiena bdejt fuq l-avjazzjoni, l-ewwel dħalt l-army, spiċċajt l-‘airwing’. Kont qiegħda fid-documentation office, ngħaddi inspections lit-technicians, fuq xogħol, x’se jsir fuq l-ajruplani u l-helicopters, imbgħad urejt ix-xewqa li nsir technician. B’hekk applikajt għall-CAT A li hija liċenzja biex insir technician ġol-army stess.”
Lettur dwar l-avjazzjoni fl-MCAST spjega kif kull student jiġi mgħarraf il-prattika tax-xogħol billi hu stess ikun diġà rama u żarma l-inġenji b’superviżjoni fil-klassi. B’hekk kull student joħroġ preparat għall-fuq il-post tax-xogħol wara li jgħaddi minn kors għall-ieħor u jkompli javvanza fil-qasam.
Qal kif, “Nibbażaw ħafna fuq teorija, kif ukoll fuq prattika, allura meta l-istudent imur fuq il-post tax-xogħol, eventwalment ħa jkun diġa preparat u ħa jkun diġa żarma u rama u ra xi affarijiet isiru u x’aktarx ikun għamilhom hu. L-idea hi li l-istudent jaħdem b’idejħ u jkun iktar kapaċi f’dak is-sens ukoll.”