Fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan, Mario Grech ġie kreat bħala t-tielet Kardinal Malti mill-Papa Franġisku.
L-Emminenza tiegħu Mario Grech ġie kkreat Kardinal ftit qabel l-erbgħa u nofs ta’ wara nofsinhar tas-Sibt, waqt il-Konċistorju.
Il-Papa Franġisku libbislu l-karlotta u l-berettin aħmar imbagħad libbislu ċ-ċurkett, fejn hemmhekk ġie kkreat uffiċjalment bħala Kardinal.
Ftit qabel ġie kkreat Kardinal, l-Isqof Emeritu ta’ Għawdex qara l-kredu bil-Latin u anki ħa l-ġurament ta’ leatà lejn il-Papa f’ismu u f’isem il-porporati l-ġodda, li jammontaw għal kollox 13-il Kardinal il-ġdid.
Permezz ta’ din il-kariga l-ġdida, l-Emminenza Mario Grech li għandu 62 sena mistenni jipparteċipa fil-konklavi, u se jkompli ħidmietu fil-Kurja Rumana bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Fil-bidu ta’ dan il-Konċistorju, is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Monsinjur Mario Grech għamel indirizz f’isem il-porporati l-ġodda.
F’dan id-diskors, it-tielet Kardinal Malti wassal viżjoni ta’ Knisja Universali miftuħa għal dawn iż-żminijiet fejn l-irwol tal-lajċi huwa akbar minn qatt qabel u qal li fis-Sinodu tal-Isqfijiet għandu jkun hemm ukoll il-kontribut tal-lajċi u mhux biss tal-membri tal-kleru.
F’dan id-diskors ukoll semma l-fidi tal-Maltin u l-Madonna ta’ Pinu:
“Ħa tkun Marija, l-iStella Maris, li aħna l-Maltin inqimuha taħt it-titlu tal-Madonna Ta’ Pinu, illi timliena b’din it-tama.
Lilek, Santità, li ridt tagħżilna għal servizz iżjed dirett lill-Knisja, nitolbuk tberikna.”
Monsinjur Grech indirizza lill-Papa l-ewwel wieħed minħabba li lura f’Ottubru, il-Papa Franġisku sejjaħ lill-Monsinjur Grech sejjaħlu l-ewwel fil-lista tat-13-il Kardinal ġdid.
Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku assenja lill-Kardinal Grech it-titlu jew sede titulari tal-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan, fuq Via dei Fori Imperiali, Ruma. Dan hekk kif il-Kardinali, jingħataw sede titulari sabiex ikunu Kardinali protetturi.
Fl-ewwel messaġġ tiegħu wara li ġie kkreat Kardinal fuq il-paġna ta’ Facebook tad-Djoċesi ta’ Għawdex, il-Kardinal il-ġdid Malti qal kif il-missjoni tiegħu flimkien mal-lajċi hija li jkompli jwassal il-messaġġ ta’ Kristu. Hawnhekk laqgħatu familtu bi kburija hekk kif ħareġ mill-Bażilika ta’ San Pietru wara il-Konċistorju.
F’messaġġ tal-okkażjoni fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan huwa mument ta’ ferħ u li jagħmel ġieħ lill-pajjiżna.
F’messaġġ ieħor, il-Prim Ministru Abela qal kif Monsinjur Mario Grech dejjem qabeż għal dawk iżolati fis-soċjetà.
Huwa qal, “Inħoss li dawn l-isbaħ kwalitajiet tal-Isqof Grech ġew innutati sabiex illum mhux biss hu iżda l-poplu Malti u Għawdxi kollu se jkun jista’ jgawdi minn okkażjoni unika.”
Il-Prim Ministru qal kif din hija okkażjoni unika hekk kif pajjiżna f’dawn l-aħħar mitejn sena kellu biss żewġ Kardinali qabel il-Kardinal il-ġdid Mario Grech. Dawn kienu Fabrizio Sceberras Testaferrata, li serva f’din il-kariġa bejn l-1818 u l-1843, fejn ivvota tliet darbiet fil-Konklavi u Prospero Grech li serva fil-kariga ta’ Kardinal bejn l-2012 u l-2019.