Monsinjur Mario Grech liebes l-aħmar, ftit minuti qabel jiġi kreat Kardinal semma l-fidi tal-Maltin u l-Madonna ta’ Pinu.
Dan għamlu f’indirizz quddiem il-Papa fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Bħalissa f’Ruma għaddej il-Konċistorju fejn 13-il reliġjuż se jiġu kreat Kardinali mill-Papa Franġisku.
Mons. Grech, li kien l-ewwel wieħed imsejjaħ fin-nomini tal-Papa ftit tal-ġimgħat ilu kellu l-privileġġ li jindirizza l-Konċistorju quddiem il-Papa.
F’indirizz mirqum, Monsinjur Grech wassal viżjoni ta’ Knisja Universali miftuħa għal dawn iż-żminijiet fejn l-irwol tal-lajċi huwa akbar minn qatt qabel u qal li fis-Sinodu tal-Isqfijiet għandu jkun hemm ukoll il-kontribut tal-lajċi u mhux biss tal-membri tal-kleru.
L-Isqof Emeritu t’Għawdex huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u laħaq f’Settembru flok il-Kardinal Lorenzo Baldisseri.