Ferħ u xokk, minn kappillan f’Kerċem għal Kardinal fil-Vatikan.
Din kienet ir-reazzjoni ta’ omm, missier u ħut Monsinjur Mario Grech, ftit sigħat qabel ma jiġi kreat Kardinal mill-Kap tal-Knisja Kattolika, il-Papa Franġisku.
Ma’ dan l-istazzjon omm Monsijur Grech, Stella, irrakontat kif filli kienet sejra għall-ħarġa tal-Ħadd bil-karozza u filli waslitilha l-aħbar li binha se jkun kardinal.
Qalet kif, “Dak kien il-Ħadd ħriġna daqxejn bil-karozza imbgħad aħna u ħerġin it-tifel irċieva telefonata, ċempillu ħuħ u qallu isma Karma ċempilli Mario minn Ruma u qalli qegħdin jgħidu li sar Kardinal. Qed jgħidli biex insaqsik u tara hux veru qal imbgħad Karm beda jċempel lil dak u l-ieħor u bdew deħlin il-messaġġi qalli ma veru ta’ u daqsekk.”
Bid-dmugħ f’għajnejh missieru Ġorġ irrakonta storja tal-passat meta qalulu li Mario se jkompli għal saċerdot.
Qal kif, “Ġie qassis fuqi qalli isma Ġorġ għandi bżonn inkelmek. Għidtlu għidli u qalli ħa ntik aħbar u ma nafx jekk tiħux pjaċir biha, qalli t-tifel tiegħek se jkompli għal qassis. Jien dak il-ħin għidtlu x’tistenna mingħandi kemm qed nieħu pjaċir li jsir.”
Miġbura ma’ ommhom u missierhom sibna lil ħut Mario Grech li wkoll qasmu magħna l-ferħ li ħassew meta saru jafu li ħuhom se jiġi kreat Kardinal.
Qalu kif, “Huwa unur għalih, huwa unur għalina familja tiegħu u iżjed u iżjed huwa unur għal pajjiżna illi għandna kardinal minn fuq din in-nitfa ta’ ġebla fil-Mediterran… Bdew jgħidulna iva għadna kif smajna lill-Papa jinnominah hu personalment waqt l-Anġelus u jiena dak il-ħin waqaft bil-karozza u għidna din hija l-verita hux… It-triq tiegħu kienet twila u għadha twila u nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħatra li se jinħatar.”
U hemmekk ħallejnihom jistennew il-mument li binhom u ħuhom jiġi kreat Kardinal.
Mument ta’ kburija għal din il-familja, għal Għawdex u għall-pajjiż.