Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jiprova jdawwar il-fatti din id-darba dwar il-faqar. Jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa kontra wkoll it-tnaqqis fin-numru ta’ nies li ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan wara li ddeċieda li jmur kontra l-istatistika ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li kienet ibbazata fuq id-dhul li kellhom il-familji Maltin u Ghawdxin fl-2014 u jgħid li l-faqar żied.
Ibbażat fuq id-dħul fl-2012 (l-aħħar sena sħiħa tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern) in-numru ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u eskluzjoni socjali fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista kien ta’ 99,020. Fl-istudju ippubblikat il-bieraħ, ibbażat fuq id-dħul fl-2014, dan in-numru niżel għal 94,250. Jiġifieri fl-ewwel 22 xahar tal-Gvern Laburista kien hemm tnaqqis ta’ 4,770 persuna jgħixu f’riskju ta’ faqar u eskluzjoni socjali. Dan b’kuntrast ma’ zieda ta’ 18,000 persuna li kienet irregistrata bejn l-2008 (ibbażat fuq id-dħul fl-2007) u l-2013 (ibbażat fuq id-dħul fl-2012) taħt il-Gvern Nazzjonalista.
one.com.mt tkellem ma’ kelliema għall-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali. B’reazzjoni għal dan il-Ministeru kkonferma dan it-tnaqqis kif ukoll ġibed l-attenzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-istudju li kien ġie ppublikat f’ Settembru 2014 u li kien ibbażat fuq id-dħul li kellhom il-familji Maltin u Għawdxin fl-2012. Huma appellaw lill-Partit Nazzjonalista li jekk m’huwiex kapaci jaqra sewwa l-istatistika, mhux ta’ b’xejn li meta kien fil-Gvern kien jgħid li l-faqar huwa perċezzjoni.
Għal kuntrarju il-Gvern preżenti, jirrikonoxxi li hemm min verament għandu bżonn sostenn, għaddej b’riformi soċjali kbar li diġa taw il-frott u se jkomplu jagħtu l-frott biex inkomplu nnaqqsu dejjem aktar in-numru ta’ dawk li qegħdin jgħixu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni socjali.
Wieħed jista’ jaċċessa dan l-istudju mis-sit tal-NSO – https://nso.gov.mt/en/News_Releases/View_by_Unit/Unit_C1/Living_Conditions_and_Culture_Statistics/Documents/2014/News2014_164.pdf.