Il-Fondazzjoni Malta Community Chest nediet il-pjattaforma diġitali strinacrowdfunding.mt, fejn wieħed jista’ jagħti donazzjoni lil din il-fondazzjoni.
Din il-pjattaforma hija inizjattiva tal-Malta Government Investments, li għandha t-tema ta’ ‘Kull qatra tgħodd’.
Dan tħabbar mill-President ta’ Malta George Vella hekk kif qal li l-ispirtu tal-Milied joħroġ tassew permezz tas-solidarjetà li l-poplu Malti jaf juri ma’ dawk ta’ madwaru.
Il-President ta’ Malta qal kif il-poplu Malti huwa ġeneruż u qal li huwa fiduċjuż li din l-inizjattiva tirnexxi.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, li qal kif din il-pjattaforma diġitali saret permezz ta’ eżerċizzju minn diversi entitajiet. Huwa ħeġġeġ lin-negozji biex joħorġu b’aktar inizjattivi promozzjonali b’risq l-Istrina.
Huwa qal: “Din hija pjattaforma diġitali għaliex nafu li fiċ-ċirkostanzi preżenti, forsi dawk il-ġbir ta’ fondi tradizzjonali kienu se jkunu aktar diffiċli.”
Wieħed jista jagħti donazzjoni fuq dan is-sit: https://strinacrowdfunding.mt/