Informazzjoni li nstabet f’wieħed f’aġġeġġi elettroniċi ta’ Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, wasslet għal żviluppi ġodda għall-Pulizija dwar persuni oħra li jaf għandhom x’jaqsmu mal-każ ta’ qtil ta’ Caruana Galizia.
Din l-informazzjoni ħarġet waqt l-inkjesta pubblika waqt ix-xhieda ta’ Supretendent Keith Arnaud liema smigħ sħiħ instema’ wara bibien magħluqa.
Arnaud qal kif l-informazzjoni li nġabret mill-Europol mill-aġġeġġi ta’ Fenech dalwaqt se tiġi ppreżentata bħala evidenza waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech.
Spjega kif l-istess informazzjoni, li qed tiġi analizzata mill-Pulizija Maltija u l-Europol jaf tkun ta’ għajnuna biex tgħin lill-Pulizija tifhem ċertu aspetti fil-każ.
Mistoqsi mill-Prim Imħallef dwar il-possibbilità ta’ informazzjoni ġdida dwar persuni ġodda li jaf ikollhom x’jaqsmu mal-każ, Arnaud qal kif hemm informazzjoni ġdida li taf twassal għal persuni oħra li kienu involuti fil-każ, li mhux neċessarjament huma persuni magħrufin mal-investigazzjoni.