Transport Malta ħarġet sejħa biex tinġabar informazzjoni fuq l-istat ġeoloġiku ta’ taħt qiegħ il-baħar bejn Malta u Għawdex. Min jirbaħ il-kuntratt se jagħmel investigazzjonijet ġeotekniċi f’diversi lokalitajiet fuq l-art u fil-fliegu, bi tħaffir mistenni sa madwar 200 metru taħt qiegħ il-baħar. Il-kampjuni ser jgħinu biex tiġi stabbilita’ l-formazzjoni ġeoloġika fiż-żona, li eventwalment jiddeterminaw jekk il-mina hix fattibbli.
L-investigazzjonijiet mitluba f’din is-sejħa huma parti minn studji li qed isiru biex tinġabar l-informazzjoni fuq l-istat u l-kundizzjonijiet ġeoloġici ta’ fejn hu maħsub li tinbena l-mina bejn Malta u Għawdex u b’hekk jiġi determinat il-mudell ġeoloġiku taż-żona. Il-mudell ser ikun il-bażi tad-disinn konċettwali tal-mina.
Il-Gvern Malti qed jaħdem fuq pjan strateġiku fit-tul biex jindirizza l-problemi li l-Għawdxin jaffaċċjaw kuljum biex jivvjaġġaw bejn il-gżejjer. Bejn is-sena 2000 u l-2010, in-numru ta’ karozzi li qasmu ż-żewġ gżejjer żdied għal 4.1% kull sena. Fl-2010, medja ta’ 1500 karozza kuljum qasmu bejn il-gżejjer f’ kull direzzjoni. Is-sena l-oħra, skont l-istatistika maħruġa mill-NSO, total ta’ 1,348,502 vettura qasmu l-fliegu. Dan jirriffletti żieda ta’ 23% fuq it-traffiku fl-2010.
L-istudju jagħmel parti importanti mill-proċess li jwassal għal konnessjoni fissa bejn Malta u Għawdex.