Aktar tard illum se jiġi estiż l-avviż legali li postijiet u stabbilimenti bħal dawk tax-xorb (bars u każini) se jibqgħu magħluqin għall-ġimgħat li ġejjin.
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela fi tweġibiet lill-ġurnalisti fejn spjega kif din kienet deċiżjoni diffiċli li ttieħdet anki wara ħafna ħsieb.
Qal li dan hu pass prudenti f’dan iż-żmien u fakkar li l-Gvern se jibqa’ solidali ma’ dawk in-negozji li se jintlaqtu minn din il-miżura restrittiva.
Dr Abela qal li saħħet il-pubbliku hija ta’ prijorità u din id-deċiżjoni ttieħdet anki f’kuntest li l-ħruġ fis-suq tal-vaċċin għall-Covid-19 huwa fil-viċin u jekk wieħed jiftaħ l-istabbilimenti, dan ikun ta’ sogru żejjed u nitilfu l-kontroll fuq l-imxija.
Il-Prim Ministru qal li s-sitwazzjoni hi taħt kontroll u meta tkellem mal-esperti tas-saħħa, dawn saħqu li huwa kruċjali li s-servizzi mediċi jibqgħu jlaħħqu mal-pazjenti.