“Li persuna tpoġġi idejha fuq camera hu nuqqas ta’ rispett lejn il-midja u l-fiduċja li wieħed għandu juri fiha”.
Din hija dikjarazzjoni tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista wara li nhar il-Ħadd, fi tmiem attività politika tal-Kap Bernard Grech, “uffiċjal” fid-Dar Ċentrali, ostakola l-camera ta’ ONE News, billi poġġa idu mal-lenti tal-camera.
Bi kliem ċar, l-IĠM qal li ħadd m’għandu jitħalla jxekkel il-prinċipju bażiku għal ġid tad-demokrazija li ngħixu fiha, u l-partiti huma fl-obbligu li ma jkunux huma jew uffiċjali tagħhom li jagħmlu dan.
Appella li jekk kien hemm persuna li ma kellhiex awtorità tagħmel dan l-att, il-Partit Nazzjonalista kellu jieħu il-miżuri meħtieġa biex inċident bħal dan ma jerġax iseħħ.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-persuna li tefgħet idha mal-camera ma kellha l-ebda intenzjoni li tostakola lill-cameraperson ta’ ONE News anki jekk fil-filmat imxandar fuq in-NET stess, din il-persuna tidher tmur quddiem il-camera ta’ ONE News u tpoġġi idha quddiemha u tmiss il-camera b’idejha.
Dan għamlitu meta lanqas biss kienu għaddew ħames sekondi mit-tmiem id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fil-filmat ta’ ONE News tidher id fuq il-lenti tal-camera.
Din mhix l-ewwel darba li f’attivitajiet ta’ Bernard Grech, ONE News spiċċa intimidat jew ostakolat milli jwettaq xogħlu b’mod ħieles.
Qabel eżatt sar Kap, meta ġurnalist ta’ ONE News mar biex jistaqsi lil Bernard Grech xi mistoqsijiet f’San Ġiljan, bodyguards ta’ Grech imbuttaw lill-ġurnalist.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien qal li l-ġurnalisti m’għandhomx jiġu mblukkati.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara d-diskors tiegħu tal-budget, Bernard Grech ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ ONE News meta l-partit immexxi minn Bernard Grech naqas milli jistieden lil ONE News biex ikun preżenti biex jagħmel il-mistoqsijiet.
Għal dan, l-IĠM ukoll kien wera s-solidarjetà ma’ ONE News u nnota l-att deplorevoli mill-Partit Nazzjonalista li jiftaħar tant bis-saltna tad-dritt u jitkellem tant biex il-ġurnalisti jitħallew iwettqu xogħolhom b’mod ħieles.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/11/22/ara-il-mument-fejn-ufficjal-ta-bernard-grech-jostakola-l-camera-ta-one-news/