Il-fiera tal-karrieri marbutin mas-settur tal-gaming, SIGMA, se ssir b’mod virtwali minħabba l-imxija tal-Covid-19.
Din se tkun l-ewwel darba li dan l-avveniment, li s-sena l-oħra attira mal-ħmistax il-elf persuna, se jsir online.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv ta’ SIGMA, Eman Pulis, spjega li din il-fiera se tkun ta’ opportunità għal dawk il-persuni li tilfu l-impjieg minħabba l-pandemija.
Fl-istess waqt innota li l-pandemija żiedet l-attività fis-settur, għaldaqstant numru ta’ kumpaniji tal-gaming qed ifittxu li jkabbru r-riżors uman tagħhom.
Spjega kif, “Dis-sena sfortunatament minħabba Covid, ma stajniex inleqqgħu lil kulħadd bħas-soltu, pero għaldaqstant ma qtajniex qalbna. Allura ħa jkollna esebizzjoni virtwali, ħa jkollna ‘l fuq minn mija u ħamsin kumpanija tal-gaming li se jkunu qiegħdin jesebixxu.”
Din il-konferenza virtwali se tkun kompletament interattiva, u se tinkludi pjattaforma biex dawk kollha li jattendu jkunu jistgħu jikkomunikaw.
Minkejja d-differenza fil-mod li se tiġi organizzata, din il-fiera mistennija tattira mal-ħamest elef spettatur, u rappreżentanti minn mija u ħamsin kumpanija tal-gaming.
Kull min jixtieq ikun parti minn din il-konferenza jista’ jirreġistra fuq is-sit elettroniku ta’ SIGMA.
Qal kif, “Dawk kollha li jixtiequ jittantaw xortihom fl-industrija tal-gaming, inħeġġiġhom minn qalbi sabiex fil-ħamsa u għoxrin u s-sitta u għoxrin ta’ Novembru, jidħlu f’din il-konferenza virtwali minn fuq il-laptop tad-dar tagħhom sabiex ikunu jistgħu jattendu, jistaqsu d-domandi, jfittxu impjieg u jekk il-Bambin irid isibu anke karriera f’dan is-suq tant importanti għal Malta.”