Ftit wara t-tokki ta’ nofshinar tas-Sibt, pajjiżna nħasad bl-aħbar tal-mewt tal-kittieb, kritiku letterarju, ħassieb u Poeta Malti Oliver Friggieri fl-età ta’ tlieta u sebgħin sena. Aħbar li ħalliet lill-ilsien Malti jibki wieħed minn uliedu.
Oliver Friggieri, wieħed mill-akbar awturi li qatt kellha Malta, minn età żagħżugħa ħadem kemm felaħ u ta kontribut qawwi għal-lingwa Maltija b’diversi kitbiet.
Il-mibki poeta umli kien magħruf għall-imħabba li kellu għal ommu, li bil-pinna mirquma tiegħu kemm il-darba daħħal l-element tal-omm, fosthom f’Requiem għal Ommi, fejn b’ton ta’ dieqa jagħti stampa ċara ta’ ommu fuq is-sodda tal-mewt tieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjitha.
“Le ma tistax Mulej lil din il-mara ma ssibilhiex post fl-ewwel filliera tal-ġenna tiegħek.
Jekk il-patrijarki, il-verġni u profeti u l-irjus l-oħra diġà ħadulek dan l-ispazju, qajjem lil xi ħadd minn hemm u qiegħed lilha f’postu. Hekk biss isir il-ħaqq ma din il-mara.”
Friggieri kellu wkoll għal qalbu l-għaqda nazzjonali mżewġa mar-reliġjon, bħalma tixhed din is-silta li lissen hu stess fuq l-istazzjon tar-radju ta’ ONE.
“Fil-ġurnata tad-Duluri eluf kbar ta’ Maltin fl-istess ħin u postijiet differenti jiltaqgħu jagħmlu l-istess ħaġa, wara mara li hija mġarrba l-madonna fidi waħda xi ħadd jgħidlek tradizzjoni? Biex il-maltin jinaqdu ma xulxin fl-istess ħin.”
Il-Professur Friggieri kien magħruf mhux biss f’Malta iżda wkoll fuq livell internazzjonali. Fih kienet tispikka l-kreattività sinonima ma’ personaġġ ta’ rispett u suċċess li ħalla legat kbir warajh.
Oliver Friggieri huwa meqjus bħala patrijott Malti li ħabb u ċċelebra l-identità Maltija. Fil-fatt, ix-xogħlijiet tiegħu huma punt ta’ referenza għal-lingwa Maltija u kontribut enormi għall-istorja. Bil-kitbiet tiegħu kien jippromwovi sens ta’ għaqda għal dan in-nazzjon u l-poplu tiegħu.
Dan l-element patrijottiku wassal biex, fost l-oħrajn, fl-2013 inħatar chairperson tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin u fl-2016 ingħata l-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’.
Dan l-istazzjon tkellem mal-lettur anzjan fl-istitut tal-Mediterran Dr. Norbert Bugeja li spjega x’kien l-aħħar tħassib ta’ Friggieri qabel miet.
“Fl-aħħar snin tkellem u kien ukoll imħasseb fuq kif ir-relazzjoni bejn il-lingwa u l-midja soċjali u kif il-pjattiformi soċjali jintużaq għal skopijiet li joħolqu aktar firda u mhux sempliċiment il-mod kif persuni jipożizzjonaw il-fehmiet tagħhom b’mod sagħan, b’mod li jwassal għal forom ta’ riforma fis-soċjetà tagħna u tisħiħ tal-komunitajiet tagħhna.”
Diversi studenti tal-letteratura Maltija u kittieba bkew it-telfa ta’ Friggieri, fosthom il-Poeti Victor Fenech u Immanuel Mifsud.
Fost l-ogħla awtoritajiet fil-pajjiż li sellmu l-memorja ta’ Friggieri hemm il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern Malti u l-Partit Laburista li kollha wasslu l-kondoljanzi lill-familja Friggieri u rringrazzjawh tas-sehem imprezzabbli li ta lis-soċjetà Maltija, b’tagħlim u ħsibijiet profondi li se jibqgħu ħajjin għal dejjem.