Id-differenza bejn it-tnejn hija ċara daqs il-kristall.
Minn naħa waħda għandna moviment li jimxi maż-żminijiet u jaddotta politika miftuħa għal kulħadd u min-naħa l-oħra għandna Partit Nazzjonalista li baqa’ imwaħħal mal-passat. Partit magħluq fih innifsu u li ftit li xejn jappella għan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista żgur iżda li jappella għall-klikka interna. Klikka li twieldet fit-tmeninijiet, fi żmien Fenech Adami u li baqgħet tintiret minn klikka għal klikka. Għal Partit Nazzjonalista, il-viżjoni ta’ politika onesta mhix importanti. Dak li huwa importanti għalihom huwa li min huwa tal-qalba jibqa’ jiggwadanja sew, kemm meta ikunu fil-Gvern u kemm mill-oppożizzjoni. Partit fallut li keċċa ħafna mil-impjegati ġenwini tieġħu, iżda partit li għandu biżżejjed flus biex jimpjega lit-tifel ta’ Fenech Adami. Partit li għal min mhux ta’ ġewwa, żgur li m’għandux post għalih.
Jidher biċ-ċar ukoll li dak li jgħid Simon Busuttil ma fih ebda sinċerità jew serjetà. Ma fih ebda verità, fih biss kliem li jrid jinganna lill-poplu biex jerġa’ jtih ċans jiggverna.
Donnu għall-Partit Nazzjonalista, 25 fil-Gvern ma kienux biżżejjed biex iduru dawra madwarhom u jintebħu bl-oxxenitajiet kbar li għamlu. Donnu 25 sena fil-Gvern ma kienux biżżejjed biex illum jitolbu skuża quddiem il-Poplu. Donnu 25 sena ma kinux biżżejjed biex jibdew għalmenu billi jirikonoxxu li f’ħafna oqsma kienu żbaljati u daħku bin-nies.
Partit ma jirbħax elezzjoni bl-istess uċuh li gvernaw ħażin għall-bosta snin, u Partit ma jirbaħx l-appoġġ tal-poplu qabel ma jitlob skuża lill-poplu tal-iżbalji li jkun wettaq. Kemm jekk saru intenzjonalment u kemm jekk le, żball jibqa’ żball u skuża għandha dejjem tintalab.
Fi ftit kliem dan kollu juri li l-PN ma nbidilx, ma jridx jinbidel u mhux ser jinbidel. Qabel ma jdur dawra sew madwaru u jnaddaf il-ħmieġ li għandu ma saqajh u ġewwa d-Dar Ċentrali, m’hemm ebda tama għall-partitarji tiegħu li l-affarijiet sejrin jimxu ‘l quddiem.
Minn naħa l-oħra għandna l-moviment li welled Joseph Musċat hekk kif ħa t-tmexxija f’idejh. Moviment li mill-Oppożizzjoni wera d-determinazzjoni tiegħu li jkun aħjar minn qatt qabel, Moviment li fetaħ il-bibien tiegħu għall-kull persuna ta’ rieda tajba. Moviment li jistiednek gewwa daru biex tagħti s-sehem tiegħek. Moviment li għandu għan wiehed biss, li nirnexxu lkoll flimkien.
Mil-Gvern iżda, dan il-Moviment kompla jiġġedded u jissaħħaħ. Kompla juri lil Poplu li quddiem il-Poter jiċċekken u jkun aktar ta’ servizz. Moviment li aktar ma jkollu appoġġ, aktar iservi u jkun umli.
Il-politika li jrid il-poplu hija waħda li sservi għan wieħed biss: li kull politikant iġib il-ġid għal pajjiżna. Il-poplu Malti ma jridx aktar politika li tifred jew politika ta’ xi kulur jew xi xahar. Il-poplu Malti jrid politika u politikanti li jgħaqqdu nazzjon u jaħdmu għall- ġid ta’ kull wieħed u waħda minnha.
Ir-riżultat fl-aħħar elezzjoni wera biċ-ċar li l-poplu Malti vvota għal dan il-moviment għax wera tama ġdida għal politika ġdida f’pajjiżna. Politika trasparenti u nadifa.
Huwa għalhekk li llum l-appoġġ għal dan il-Gvern jibqa dejjem jissaħħah – dan għaliex dan huwa Gvern li tela’ b’politka bi pjan u b’viżjoni u li qed iġġib magħha suċċessi kbar għal Malta tagħna lkoll.