Infetħu l-uffiċini tal-Kummissrju tal-Liġijiet fil-Belt Valletta, li l-għan ewlieni tagħhom se jkun il-konsolidament tal-liġijiet tagħna u t-tisħiħ fis-saltna tad-dritt.
Ma’ ONE News il-Kummissarju tal-Liġijiet, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, qal li l-uffiċċji mmexxi minnu se jaħdem mill-qrib mal-professjonisti fil-qasam legali biex isiru l-bidliet meħtieġa.
Huwa qalilna: “Il-funzjoni tiegħu ewlenija hi l-konsolidament tal-liġijiet u r-reviżjoni tagħhom. Aħna naħdmu mal-avukati u jgħidulna l-ideat tagħhom dwar emendi fil-ligijiet. Jitħejja rapport minn dan l-uffiċċju u jingħadda lill-Ministru kkonċernat.”
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li fl-istess ħin il-Gvern qed jaħdem fuq emendi biex iħaffef l-inkjesti maġisterjali u l-proċeduri kriminali, kif ukoll bex jitnaqqas ix-xogħol pendenti fil-Qorti tal-Appell.
Zied jispjega li dan l-istess uffiċċju ra l-budget tiegħu jittrippla għall-2021, biex jipprovdi l-fondi għall-impjieg ta’ avukati full-time biex jingħaqdu mat-tim li jħares lejn il-konsolidazzjoni tal-liġijiet u jirrazzjonalizzaw il-liġijiet kemm jista’ jkun.
Il-Ministru Zammit Lewis sostna: “Qed nagħmlu dan biex insaħħu s-saltna tad-dritt b’investiment għall-budget li jkun trippla. Dan hu riżultat car ta’ investiment fil-ġustizzja li jrid iwassal liġijiet aħjar liċ-ċittadini tagħna.”