L-Università ta’ Malta nstallat kamera tas-sigurtà fl-Akwarju Internazzjonali fil-Qawra sabiex tkun tista’ ttejjeb il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-għarfien fuq il-protezzjoni tal-ekosistemi marittimi.
Din hija installazzjoni tal-ewwel tax-xorti tagħha f’Malta u hija f’konformità mal-inizjattivi li qed tieħu l-Unjoni Ewropea favur aktar turiżmu innovattiv u kif ukoll mal-attivitajiet favur aktar litteriżmu fuq il-baħar u attivitajiet ta’ disseminazzjoni ta’ Natura 2000.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Professur Alan Deidun, lettur u riċerkatur tal-Ġeoxjenza fl-Università, fejn spjega kif ser tkun qed taħdem din il-kamera.
Qal kif, “Video l-ħin kollu jiġifieri hi tirrekordja u dak li tara hi qed tibagħtu u dak li jkun mis-salott tiegħu, mill-uffiċċju tiegħu fil-kumdità ta’ daru jew post tax-xogħol jista’ jara in real time fuq youtube xi jkun qed jiġri f’dan it-tank. Issa għada pitt għada xħin tgħaddi x-xitwa u forsi anke r-rebbiegħa għax dawn huma staġuni li huma sinonimi mal-maltemp din il-kamera ser titpoġġa Qawra Point fil-baħar.”
Dan il-proġett huwa parti mill-HARMONY Italia-Malta project, proġett li qed isir b’fondi Ewropej u li qed jimmira li jipproteġi l-bijodiversità fiż-żona bejn l-Italja u Malta.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, u s-Segretarju Parlamentaru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, fejn spjegaw kif dan il-proġett se jkkompli jissalvagwardja l-ibħra li jdawwru lil pajjiżna u li b’dan se ngawdu aħna u l-ġenerazzjoni futura.