L-analista finanzjarju b’esperjenza Roderick Psaila stqarr li l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-budget imressaq mill-Gvern Malti għas-sena d-dieħla huwa turija ta’ fiduċja f’min preżenta l-budget.
Dan stqarru jum wara li f’rapport, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea rrimarkaw għal numru ta’ miżuri li fi kliemhom, se jgħinu l-attività ekonomika fi żmien ta’ sfida globali.
Qal kif, “Tfisser fiduċja, tfisser kredibilità u tfisser kunfidenza. Fiduċja fl-istat membru illi qed jippreżenta budget u fil-miri stabbiliti fil-budget. Tfisser kredibilità fix-xogħol li sar fil-budget, dawk il-miżuri li hemm u li l-miżuri jistgħu jintlaħqu effettivament u kunfidenza illi b’dan il-mod l-istat membru jista’ jimxi ‘l quddiem.”
Filwaqt li saħaq fuq il-kunfidenza li dan ir-rapport jagħti għall-pajjiżna, Psaila rrimarka għal dak li nnutat il-Kumissjoni Ewropea, jiġifieri miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet ukoll tal-lum fi żmien ta’ sfidi bla preċedent.
Qal li minnu innifsu dan huwa rapport li jservi ta’ stimulu ekonomiku.
Spjega li, “Il-Kummissjoni ma tħares lejn wiċċ ħadd jiġifieri ma tħares lejn l-ebda stat membru qabel ma toħroġ ir-rapporti tagħha. U rapport bħal dan, meta jkun pożittiv hekk, jiena nemmen illi minnu innifsu huwa stimulant għall-ekonomija tal-pajjiż. Jiġifieri bħal meta inti jkollok rapport pożittiv minn rating agency. Nasal ngħid li f’dan il-każ huwa aktar b’saħħtu.”
Il-Kummissjoni Ewropea tkellmet ukoll fuq id-dejn ta’ pajjiżna u qalet li l-istimi tagħha huma aħjar u inqas konservattivi mill-Gvern.
Dwar dan, l-analista finanzjarju qal li l-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex iwieżen lin-negozji u l-familji jiswew il-flus iżda li hemm pożittiv huwa l-fatt li qegħdin f’xenarju fejn ir-rati tal-interessi huma baxxi u allura s-self huwa wieħed maniġibbli.
B’hekk fi żmien qasir nistgħu nerġgħu nesperjenzaw surplus.
Qal li, “Il-Gvern bil-miżuri li qed jagħmel jirnexxielu jżomm l-industrija li ma tinżilx, l-industriji li ma jinżlux, b’dak il-mod tista’ tirpilja iktar malajr. Jekk tirpilja iktar malajr, allura inti għandek iċ-ċans illi f’ekonomija aġli bħal tagħna s-surplus tista’ terġa’ tmur lura għalih f’qasir żmien.”