Rapport ta’ inkjesta ta’ erba’ snin dwar atti illegali mill-Forzi tad-Difiża Awstraljana, sab li hemm evidenza kredibbli li numru ta’ suldati Awstraljani qatlu disgħa u tletin persuna illegalment waqt il-gwerra Afgana.
Ir-rapport jgħid li dsatax-il suldat għandhom jiġu investigati mill-Pulizija fuq il-qtil ta’ priġunieri, bdiewa jew persuni ċivili bejn l-elfejn u disgħa u l-elfejn u tlettax.
Tul l-inkjesta saru intervisti ma’ aktar minn erba’ mitt xhud, u nstab ukoll li suldati żgħar ingħatalhom parir biex l-ewwel qtil tagħhom ikun billi jisparaw priġunieri.
Ħareġ ukoll kif l-armi użati tpoġġew ħdejn l-iġsma bla ħajja tal-vittmi biex jiġi moħbi l-att.
L-awtoritajiet fl-Afganistan qalu li l-Awstralja assigurathom li tinsab impenjata li ssir ġustizzja.