F’Wied il-Qlejgħa fir-Rabat miexi x-xogħol ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ mal-wied kollu. Fost il-proġetti, hemm pont li se jgħaqqad triq għall-Imtarfa mal-wied. Dan il-pont li se jsir permezz ta’ investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro, huwa mistenni jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku sal-aħħar ta’ din is-sena.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Wied il-Qlejgħa li qed isir b’investiment ta’ ħames miljun ewro, se jagħti ħajja ġdida lil dan il-post tant imfittex.
Qal kif, “Apparti allura, ix-xogħol li qed isir biex jitħammel, jitnaddaf u dan il-post jerġa’ jara l-ilma għaddej mill-kors naturali tiegħu, bħala Ministeru qiegħdin nassistu bit-toroq tal-madwar.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrino Azzopardi sostna li l-fondi Ewropej se jkunu kruċjali għat-tisbiħ ta’ dan il-post.
Qal, “Se jkun qed jibbenefika minn madwar ħames miljun Ewro f’fondi Ewropej. Dan huwa proġett li se jkun qed jagħti ħajja mill-ġdid lil dan il-wied. Huwa proġett li għandu miri speċifiċi mhux b’anqas li naraw li jkollna aktar konservazzjoni tal-ilma kif ukoll restawr ta’ strutturi li għandhom valur storiku kbir ġewwa Wied il-Qlejgħa.”
Intant, il-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Michael Farrugia sostna li dan il-proġett se jkun l-ewwel proġett tat-tip tiegħu ġewwa Wied il-Qlejgħa f’aktar minn għoxrin sena. Il-proġett se jinkludi t-tneħħija ta’ speċi ta’ pjanti invażivi, tindif ġenerali, tiswija ta’ ħitan, kif ukoll il-konservazzjoni tal-ilma tax-xita.
Spjega kif, “L-ilma tax-xita li jgawdu minnu meta jinżamm ġewwa ċ-Chadwick Lakes, il-bdiewa u anke li jinżel l-isfel fil-qiegħ taċ-Chadwick Lakes u jinżel bħala ilma taħt l-art. Fl-aħħar mill-aħħar se jkunu qed igawdu l-familji Maltin u Għawdxin.”