Il-Qorti ma sabitx ħatja u lliberat lil tliet persuni li kienu mixlija li żammew kontra l-volontà tagħhom u ssekwestraw lil erba’ ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet li kienet saret f’Kastilja fis-sigħat bikrin tad-29 ta’ Novembru li għadda.
Fl-għoti tas-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud kiteb b’mod ċar li l-prosekuzzjoni li ddefendiet lill-ġurnalisti Monique Agius, Miguela Angela Xuereb, Julian Bonnici u Paul Caruana Galizia naqset milli tipprova l-każ.
Il-Qorti qalet li kien hemm aktar minn bieb wieħed minn fejn persuna setgħet toħroġ.
Saħqet li mill-filmat li ġibdu l-ġurnalisti fosthom tal-RTK u tal-Lovinmalta, xi ħadd fetaħ il-bieb minn barra u għalhekk jidher li l-kontroll tal-bieb ma kienx minn ġewwa.
Issemma wkoll kif wieħed minn dawk akkużati li sakkar il-ġurnalisti ġewwa, deher b’id waħda fil-but u l-oħra fuq il-pum tal-bieb u ma kienx qed juża forza biex iżomm il-bieb magħluq.
Il-Maġistrat qal li persuna oħra li ġiet akkużata b’sekwestru kienet f’kuntatt ma’ Paul Caruana Galizia iżda ma tidhirx tagħmel manuvri biex iżżomm il-bieb magħluq.
Il-Qorti qalet li mix-xhieda li nstemgħet ma jirriżultax li ntużat xi forza fil-konfront tal-ġurnalisti u lill-ġurnalisti ma tteħdidilhom l-ebda apparat tant li setgħu jibqgħu jirrappurtaw dak li kien għaddej wara l-konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Qorti qalet li xħin infetaħ il-bieb jidher kulħadd ħiereġ, inkluż il-persuni akkużati li sakkru l-ġurnalisti u b’hekk żviluppat sitwazzjoni ‘free for all’.
F’dik li tista’ tiġi interpretata bħala ċanfira u ċamata lil midja li ssejjaħ lilha nnifisha bħala indipendenti, il-Qorti qalet li meta wieħed imur f’post, hux mistieden jew le, jew biex iwettaq xi ħidma, ma jistax jippretendi li jieħu l-kontroll tal-binja.
Għalhekk mix-xhieda prodotta, il-Qorti tħoss li ma jistax jingħad illi kien hemm arrest, detenzjoni jew sekwestru llegali.
Għall-imputati dehru l-avukati Charlon Gouder, Ramona Attard u Matthew Xuereb.
Intant ftit tal-jiem ilu, il-midja tal-Partit Nazzjonalista ngħatat premju mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fuq filmat li nġibed fuq dan il-każ li ta l-impressjoni li l-ġurnalisti ssakkru ġewwa kontra l-volontà tagħhom f’Kastilja.
Ġurnalist inkwistjoni tal-Lovinmalta li xehed anki f’dan l-allegat każ ta’ sekwestru li issa l-Qorti sabet li ma kienx minnu, wkoll ingħata ġieh permezz ta’ premju mill-IĠM.
L-istess IĠM kien ħareġ jikkundanna l-allegat att ta’ sekwestru fuq il-ġurnalisti li issa istituzzjoni indipendenti bħal ma hi l-Qorti sabet li ma kien minnu xejn.