Fl-aħħar jiem Malta saret membru tal-Grupp Ristrett tan-Nazzjonijiet Uniti għal kwistjonijiet LGBTI. Dan huwa grupp trans-reġjonali informali ta’ stati membri tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit fl-2008 u attwalment ko-presedut mill-Arġentina u mill-Olanda.
L-għan tal-grupp ibbażat fi New York huwa li jaħdem fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiżgura rispett universali għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd, speċifikament fir-rigward ta’ persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali, b’enfasi partikolari fuq il-protezzjoni minn vjolenza u diskriminazzjoni.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo laqa’ bi pjaċir dan l-iżvilupp pożittiv u saħaq li permezz tas-sħubija tagħha fil-Grupp Ristrett tan-NU għal kwistjonijiet LGBTI, Malta se tkompli tikkontribwixxi għal aktar ħidma multilaterali u għan-negozjati internazzjonali f’dan il-qasam. Il-ministru żied li dan l-iżvilupp għandu jservi wkoll biex ikollna soċjetà aktar umana li tħares l-aqwa dritt li għandha l-persuna, proprju dak li tkun hi.
F’konformità mal-Istrateġija għall-Ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2018-2022, b’mod partikolari taqsima 9 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza LGBTIQ fuq livell internazzjonali, is-sħubija ta’ Malta f’dan il-Grupp Ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti se tikkontribwixxi wkoll biex tinkiseb l-ugwaljanza fil-fora internazzjonali.