Illejla t-tim nazzjonali Malti tal-futbol jista’ jikteb l-istorja hekk kif għadu fiċ-ċans li jirbaħ il-grupp tal-kompetizzjoni tal-UEFA Nations League. Dan jekk iġib riżultat pożittiv kontra t-tim tal-Gżejjer Faroe, anke jekk b’rebħa minima ta’ 1-0.
Ftit sigħat qabel din il-logħba tant mistennija, ONE News ltaqa’ mal-eks plejers tat-tim Nazzjonali Malti, Carmel Busuttil, Saviour Darmanin u Gilbert Agius.
L-eks-goalkeeper tat-tim Nazzjonali Saviour Darmanin stqarr kif dan huwa żmien pożittiv ħafna għat-tim Nazzjonali. Stqarr li jiġri x’jiġri llejla, r-riżultati miksuba fl-aħħar logħbiet żgur jawguraw tajjeb għall-futur tat-tim nazzjonali Malti.
Qal kif, “Bħalissa fin-nazzjonal huwa mument sabiħ, huwa mument pożittiv, u hemm il-konsistenza, allura kull malti qed iħossu kburi wkoll li qed naraw il-pajjiżna, it-tim nazzjonali li qed jilgħab daqshekk tajjeb u jġib riżultati tajbin. Aħna nawguraw li llejla wkoll ikollna logħba pożittiva imma għadna ma wasalna mkien, nibqgħu saqajna mal-art, anke jekk ma tiġix, naħseb qegħdin fit-triq it-tajba.”
Il-plejer Gilbert Agius stqarr kif dan huwa grupp tajjeb ta’ plejers li jidhru magħqudin bħala tim. Innota kif il-wasla tal-kowċ Devis Mangia wkoll ġabet bidla pożittiva fit-tim nazzjonali u flimkien mat-tim tekniku rnexxielu joħroġ l-abiltajiet tal-plejers Maltin. Stqarr li llum l-atmosfera fid-dressing room qabel il-logħba żgur li ser tkun waħda pożittiva.
Spjega li, “ L-atmosfera bħalissa żgur hija waħda vibranti, it-tim nazzjonali għaddej minn mument tajjeb ħafna tista’ tgħid anke storiku jekk jirnexxielna nirbħu l-partita tal-lejla, u nikkwalifikaw. Mertu lil dan il-grupp ta’ plejers u lit-technical staff.”
Huwa stqarr kif li tkun plejer tat-tim nazzjonali Malti mhux biss huwa unur kbir iżda ġġib magħha emozzjoni kbira. Dan speċjalment waqt id-daqq tal-innu Malti qabel il-logħba.
Qal li, “Emozzjoni kbira, l-ewwel emozzjoni tkun l-innu malti. Taf li qed tirrapreżenta pajjiż, ir-responsabbilità ta’ pajjiż, u ovjament tkun iffurtunat li inti wieħed minn dawk il-ftit li f’dik il-partita tkun qed tirrapreżenta lil Malta.”
Il-leġġenda tat-tim Nazzjonali Carmel Busuttil magħruf bħala l-Bużu stqarr li fi żmien fejn il-grawnd żgur mhux ser ikun mimli kif kien ikun f’logħob importanti, il-plejers żgur li xorta waħda qed iħossu li n-nazzjon kollu kemm hu jinsab warajhom.
Qal, “Illum il-midja soċjali l-plejers jarawha, jafu li l-poplu malti qiegħdin kollha warajhom. Naħseb li s-South End Core qed jagħmlu minn kollox ukoll biex ikomplu jinkoraġġuhom għal din il-logħba ferm importanti.”
Il-Bużu qal kif kollox jidher lest għal-lejla pożittiva għat-tim nazzjonali Malti. Dan jekk il-plejers maltin jagħrfu jemmnu fihom infushom u llejla jqumu għall-okkażjoni sabiex jiktbu l-istorja.
Qal, “Naħseb l-eċitament huwa għoli, naħseb kunfidenza għandhom għax qed jilagħbu tajjeb. L-importanti huwa li jemmnu fihom infushom, li din hija xi ħaġa li nistgħu nagħmluha, mhux impossibli u naħseb bil-logħob li qed jilgħabu u bi ftit ‘luck’ naħseb jirnexxielna nagħmlu l-istorja ġdida.”