Mill-2017 lil hawn Jason Azzopardi siefer erbgħa u tletin darba mas-sieħba tiegħu u dan is-safar kien kollu mħallas minn terzi persuni.
Dan ħareġ waqt dikjarazzjonijiet li ntqalu mill-avukat ta’ Jason Azzopardi nnifsu waqt proċeduri ta’ separazzjoni fil-Qorti.
Fost is-safar imħallas minn terzi persuni hemm waħda li fiha Jason Azzopardi mar Tel Aviv u l-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, ħallaslu kamra fil-lukanda lussuża Hilton.
Skont mart Jason Azzopardi, hu kien qalilha li jrid imur waħdu Tel Aviv għal tieġ ta’ bint rabbi għaliex wara xtaq imur waħdu Ġerusalem biex jagħmel lejl fuq il-qabar ta’ Kristu.
Jirriżulta li minn erbgħa u tletin safra msemmija mħallsa minn terzi persuni, għoxrin minnhom tħallsu mill-Parlament.
L-Ispeaker tal-Parlament iċċara li dan is-safar tħallas lil Jason Azzopardi biss u mhux lis-sieħba tiegħu wkoll.
Fir-rapporti tiegħu, ONE News qatt ma semma b’mod speċifiku li s-safar ta’ Jason Azzopardi mħallas mill-Parlament, ġew koperti wkoll l-ispejjeż tas-sieħba.
Intant qabel l-elfejn u tlettax ukoll, meta Azzopardi kien Ministru u Segretarju Parlamentari taħt Lawrence Gonzi seta’ juża meta jrid is-servizzi b’xejn fil-lukanda Excelsior fejn kellu aċċess għall-gym, kamra u kolazzjon.
F’dan il-perjodu wkoll, Jason Azzopardi kien uża s-servizzi wkoll b’xejn ta’ John’s Garage, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ karozzi u l-kirja ta’ sala.
Il-gazzetta Illum irrapurtat ukoll li sa wara Ġunju elfejn u sbatax, Jason Azzopardi baqa’ juża s-servizz tal-lukanda Hilton li jinkludu illi joqgħod mal-lido u l-pixxina, kif ukoll jiekol buffett b’xejn.
Ġie rrapurtat ukoll kif Azzopardi qatt ma staħa minn ħadd, iċempel negozjanti kbar biex jieħu l-affarijiet b’xejn.