Ir-raġel tar-Russa Maria Efimova ġie arrestat mill-awtoritajiet Ċiprijotti.
Fuq il-profil tagħha fuq facebook, dik li hi mixlija bi sperġur u ġurament falz fil-każ ta’ Egrant ħaditha qatta’ bla ħabel kontra l-awtoritajiet Ċiprijotti u Maltin.
Qalet li għax ma jistgħux iġibu lilha taħt idejhom, l-awtoritajiet Ċiprijotti arrestaw lil żewġha.
Il-każ dwar l-arrest tar-raġel ta’ Efimova jinvolvi kumpaniji f’Ċipru u fil-British Virgin Islands.
Ma’ Efimova, akkużat bi sperġur hemm ukoll l-eks spettur Jonathan Ferris li issa qed imexxi s-sigurtà tal-lukanda Westin Dragonara.
Fl-aħħar jiem ġie rappurtat li f’din il-lukanda kien qed imur juża s-servizzi offruti, id-deputat Jason Azzopardi.
Dan għamlu wara li Azzopardi, bħala avukat tal-familja Daphne Caruana Galizia kellu konjizzjoni li Yorgen Fenech kien investigat b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia u għalhekk waqaf jieħu l-affarijiet m’għand ta’ Tumas.
Il-kummentatur politiku Simon Mercieca kien staqsa jekk Jason Azzopardi għaddiex kelma tajba mal-manager tal-lukanda, li jaf sew, biex Ferris jibda jaħdem il-Westin.
Dr. Mercieca staqsa wkoll jekk Jason Azzopardi għandux xi obbligazzjonijiet għal Ferris li kien involut f’investigazzjoni ta’ inkjesta fuq allegat frodi u korruzzjoni fid-Dipartiment tal-artijiet fi żmien li Jason Azzopardi kien politikament responsabbli.
Seba’ snin wara li din l-inkjesta nfetħet, din għadha mhux konkluża u Ferris spiċċa anki juża lil Jason Azzopardi bħala l-avukat tiegħu.