Teknoloġija li taħżen l-enerġija alternattiva, li tfasslet minn kumpanija start-up tal-Università ta’ Malta, kisbet rikonoxximent internazzjonali għall-Innovazzjoni minn Offshore Energy 2020.
Il-kunċett, magħruf bħala FLASC, ġie xprunat mill-fatt li enerġija sostenibbli ġejja mix-xemx jew mir-riħ tvarja, u ma tipprovdix provvista stabbli tal-elettriku. Dan fetaħ il-bibien għall-bżonn li jkun hemm teknoloġija apposta li taħżen l-enerġija alternattiva, u b’hekk tiggarantixxi stabbiltà fil-provvista tal-elettriku.
Hekk spjegalna l-Professur Inġinier Tonio Sant, li mexxa t-tim li ħadem fuq il-prototip għal sentejn sħaħ.
“Qed nużaw teknoloġija li hija ħafna aktar sostenibbli u tuża prinċipji mill-aspett ta’ inġinerija mekkanika li aħna nafuhom sew. Qed nużaw enerġija kumpressata, imma l-proċess isir fil-baħar u din sibna li ttejjeb ħafna l-effiċjenza.”
Il-prototip ħadmu fuqu mas-seba’ studenti tal-Fakultà għall-Inġinerija fl-Università ta’ Malta, li ħatfu l-opportunità biex dak li tgħallmu japplikawh fi proġett li verament se jiswa ta’ ġid għas-soċjetà.
L-ewwel student li ħadem fuq il-prototip saħansitra rnexxielu jtemm id-Dottorat tiegħu b’rabta mal-kunċett FLASC, u llum, Dr Daniel Buhagiar qed imexxi l-bażi tal-istart-up fl-Olanda.
L-Inġinier Robert Farrugia, li huwa wkoll lettur fl-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli li wkoll kellu sehem kruċjali fil-proġett, spjega wkoll li FLASC tfassal biex japplika wkoll għal barra minn xtutna.
“Il-kunċett FLASC qed jimmira għas-settur off-shore u anke l-enerġija solari fuq il-baħar, jew enerġiji li jinstabu fl-ambjent marittimu. Dan mhux marbut biss ma’ xtutna imma għandu applikazzjonijiet internazzjonali.”
Dr Farrugia spjega wkoll li l-Istitut qed jara aktar interess fis-suġġett, hekk kif kulma jmur il-pubbliku qed isir aktar konxju tal-bżonn li jitnaqqsu l-emmissjonijiet u nsibu sorsi alternattivi ta’ enerġija.