Il-kartolini uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal żmien il-Milied, ser ikunu frott il-kreattività tat-tfal li joqogħdu fi djar residenzjali għat-tfal. Dan hekk kif f’messaġġ imxandar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Gvern, mart il-Prim Ministru, Dr. Lydia Abela stiednet lit-tfal sabiex jissottomettu d-disinji tagħhom.
“Aħna ħtarna bord b’rappreżentanti mill-Kunsill Malti tal-Arti biex jagħżel l-aħjar disinji għall-kartolini tal-uffiċju tal-Prim Ministru. Bħala rikonoxximent it-tfal u ż-żgħażagħ li joħorġu bl-isbaħ xogħol ser tingħataw stedina għall-produzzjonijiet tal-istaġun Żigużajg.”
Dan filwaqt li kull tifel u tifla li jipparteċipa ser ikollu x-xogħol tiegħu esebit f’wirja speċjali fi Spazju Kreattiv, filwaqt li kulħadd ser ikun premjat. Fost l-oħrajn ser jingħataw riżorsi lid-djar residenzjali tat-tfal li jieħdu sehem.
“Imma għalina t-tfal kollha huma rebbieħa, għalhekk intom kollha li tipparteċipaw mid-djar residenzjali tat-tfal, ser tingħataw l-opportunitá tattendu għal-lezzjonijiet b’xejn mill-iskola tal-Arti biex tkomplu tiżviluppaw it-talenti tagħkom.”
Fl-istess messaġġ, mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela stqarret kif għalkemm dawn ser ikunu festi differenti minn dawk li mdorrijin niċċelebraw xorta waħda rridu nimtlew bis-sens ta’ paċi li dan iż-żmien iġib miegħu u dan il-Milied niċċelebraw bl-isbaħ xewqat għal xulxin.