It-Tnejn filgħaxija, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia kkorreġa rapport skorrett tat-Times li fl-istess jum li ġie ppubblikat ir-rapport, ftaħret li rebħet numru ta’ premijiet tal-Istitut Ġurnalisti Maltin.
Ir-rapport inkwistjoni deher fl-aħħar ħarġa tas-Sunday Times fejn ingħad li fl-2013 kienu saru xi tibdiliet fil-kodiċi ta’ etika marbuta mad-dikjarazzjonijiet tal-assi kif iffissati fl-1994.
Iżda dan mhux minnu kif saħaq l-Ispeaker.
“Nixtieq bħala President tal-Kamra nagħmel referenza għal artiklu li deher fis-Sunday Times tal-bieraħ fl-ewwel faċċata imbagħad ikompli fil-faċċata oħra tas-Sunday Times fejn hemm it-titolu ‘MPs refuse to divulge family assets’ u miktub minn Ivan Martin u Matthew Xuereb. Pero hemm miktub u hemmhekk is-Sedja tħoss li għandha tirrimarka fejn dawn kitbu jew kiteb, ma nafx min kiteb minnhom pero ċertament min kiteb minnhom, kitibha verament skorett u nitlob li ssir il-korrezzjoni.”
Filwaqt li l-Ispeaker tal-Parlament saħaq li ma seħħ l-ebda tibdil u dak li daħal fl-1994 għadu jgħodd sal-lum, l-Ispeaker spjega kif ħass li kellu jintervjeni u kien lest jippreżenta dikjarazzjoni tal-assi tiegħu lit-Times.
“Jiena hawnhekk ħassejt li għandi nintervjeni għaliex jiena ġejt elett Speaker fl-2013 kif tafu intom, fit-8 ta’ Marzu u kieku ġew għandi u talbuni kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-assi kont intihom waħda.”
L-Ispeaker tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż qal li r-rapport tat-Times mhuwiex veritier u jiżvijja lil kull qarrej.
Għalhekk talab lill-editur tat-Times biex jikkorreġi r-rapport.
“Din l-istess, għadha hekk sal-lum, ma saret l-ebda emenda mill-1995 u nħoss li din hija xi ħaġa illi mhiex veritiera, tiżvijja lil kull qarrej u ċertament kieku għamlu l-inqas riċerka billi daħlu fil-google u sempliċiment jidħlu fuq dikjarazzjoni tal-assi kien isibha hemmhekk is-Sur Martin jew min hu u s-Sur Xuereb u għalhekk nitlob lil Clerk of the House, jieħu nota ta’ dan kollu, jikteb lill-editur tas-Sunday Times biex issir il-korrezzjoni meħtieġa f’isem l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.”