L-Awtorità tad-Djar se tiffinanzja proġett ta’ kostruzzjoni fin-Naxxar ta’ diversi appartamenti fin-Naxxar li se jiġu amministrati mill-Fondazzjoni Caritas. Dawn se jinbnew bi flus mill-fond għal housing speċjalizzat, u se jospitaw vittmi tad-droga li jkunu segwew programmi ta’ rijabilitazzjoni.
Dan tħabbar b’sorpriża waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Caritas, fejn il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, saħaq li dan il-proġett se jfisser bidu ta’ ħajja ġdida għall-vittmi tad-droga u qrabathom.
“Jiena llum hawnhekk wara d-diskussjoni li kelli mal-Awtorità tad-djar ħassejt li kellna nħabbru wkoll inizjattiva li bħala Gvern u anka bħala Awtorità, niffinanzjaw dan il-proġett biex inkunu nistgħu ngħinu l-Caritas ħalli tibni l-appartamenti li għandha bżonn għal dawn iż-żgħażagħ.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, tkellem ma’ dan l-istazzjon dwar is-sodisfazzjon ta’ din il-ħidma mal-Caritas li se tissarraf f’għajnuna li għexieren ta’ persuni biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
“L-idea hija li l-Awtorita tad-Djar tidħol f’kollaborazzjoni sabiex dar eżistenti fin-Naxxar titwaqqa u tiġi mibdula f’numru ta’ appartamenti żgħar li tilqa’ persuni li kienu temmew b’suċċess, programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga.”
McKay spjega li se jkun hemm diversi kriterji biex persuna tkun eleġibbli għal dan il-proġett. Dan sabiex il-vittmi tad-droga jkunu aktar motivati li jagħmlu bidliet sinifikanti f’ħajjithom.
“Wara li persuna mhux biss tkun temmet il-programm residenzjali imma tkun reġat rebħet il-fiduċja tal-familja tagħha, reġat rebħet xogħol b’mod stabbli u jkollha dar li hija wkoll diċenti u stabbli għaliha. Naħseb dawn huma kriterju mportanti ħafna u għalhekk l-awtorità tkun qed tonqos jekk ma tkunx qiegħda tgħin f’dawn is-sitwazzjonijiet li toffri housing speċjalizzat flimkien mal-Caritas.”