Biex tiskonġra trid tkun pur. Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika fl-Isla, b’reazzjoni għal mod kif aġixxa l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar jiem, fejn biddel id-diska f’daqqa u issa qed jgħid li ħadd mhu perfett.
Spjega li, “Ma tistax tgħid inti li m’intix perfett u tippriedka l-perfezzjoni. Smajtu l-Kap tal-Oppożizzjoni qal għax issa f’daqqa waħda biddlu d-diska għax ejja ma naħsbux li kulħadd huwa perfett. Ilna ngħiduha dik imma ma tistax inti, l-ewwel biex tiskonġra trid tkun pur u ma tistax inti tkisser lil kulħadd u tagħmel agħar minn dak li int qed tikkritika.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar il-ftuħ ta’ kawża minn tnejn u ħamsin immigrant li qed ifittxu għad-danni. Liema kawża hija ffinanzjata mill-għaqda Repubblika.
Qal li, “Qed ifittxu l-pajjiżna għad-danni u min iffinanzjahom? Min fetaħha? Min ħallasha din il-kawża? Soċjetà ċivili li parti minnha hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni. Dik id-differenza fundamentali, aħna nissieltu biex inġibu l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Forzi Armati tagħna, ħaddieħor irid jixħethom il-ħabs.”
Il-Mexxej Laburista rrefera wkoll għall-bidla kożmetika li saret fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Sostna kif, “L-istess nies li hemm illum huma l-istess nies tal-elfejn u tlettax u dak li verament temmen intrinsikament fih ma jinbidel qatt u dik hija l-problema fundamentali. Min ikkampanja, min kien frontline campaigner kontra d-divorzju jista’ qatt ikun champion tad-drittijiet ċivili.”
Robert Abela qal ukoll li l-poplu Malti u Għawdxi, jaf min verament jaħdem favur id-drittijiet ċivili.
Qal, “Toħroġ Helena Dalli tniedi strateġija f’livell Ewropew dwar id-drittijiet ċivili, joħroġ Edwin Vassallo u jgħidilna Marxiżmu dan fl-aqwa tiegħu. Li kieku mhux għax tarahom u tarahom li jtellgħuhom pubblikament, ma temminhomx u r-risposta, tafu għaliex? Għax fil-fond ta’ qalbhom hekk jemmnu, ma jemmnux fid-dritt ċivili u qatt ma riduhom. Ara llum, issa f’daqqa waħda għax raw ir-reazzjoni tan-nies pruvaw idaħħlu r-reserve imma n-nies jafu min verament jemmen, min verament huwa ċ-champion tad-drittijiet ċivili.”
Intant il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ftehim kollettiv li ntlaħaq mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili din il-ġimgħa, li minnu se jibbenefikaw mitejn, tnejn u ħamsin ħaddiem li se jieħdu elf ewro żieda fil-paga wara li kienu minsija għal tnejn u għoxrin sena sħaħ.