Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora nieda app għal fuq il-mobile bla ħlas, bil-għan li jissaħħu l-ħiliet taż-żgħażagħ fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffery Pullicino Orlando, spjega li hawn nuqqas ta’ ħiliet f’dawn l-oqsma importanti, iżda din l-isfida tista tiġi indirizzata permezz tal-edukazzjoni u l-informazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo sostna dwar l-importanza li jkun hawn iżjed studenti li jistudjaw f’dawn l-oqsma biex ikollna ekonomija diversifikata u diġitali.
Qal kif, “Il-viżjoni tal-Gvern hija li nibnu ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-ħiliet tan-nies. Huwa għalhekk li huwa mportanti li żgħażagħ u studenti jieħdu suġġetti li huma relatati mal-iSTEM. Iġifieri suġġetti bħal-xjenza, teknoloġija, inġinerija u l-matematika.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett, li huwa possibbli grazzi għal investiment ta’ erba’ mitt elf ewro Fondi Ewropej, jaħseb għal bidla kontinwa f’ħajja mgħaġġla.
Spjega li, “Aħna qed inħarsu lejn bidliet diġitali fl-ekonomija tagħna u allura għandna bżonn inħejju aktar żgħażagħ, aktar ħaddiema f’dawk il-ħiliet li din il-bidla qed iġġib magħhom. Din l-inizjattiva hija żgur pass fid-direzzjoni t-tajba.”