L-impatt pożittiv tal-vaċċin kontra l-COVID-19 mistenni jibda jinħass tul is-sajf li ġej, u l-ħajja tibda tirritorna għan-normal fix-xitwa li jmiss.
Qal dan il-Professur Ugur Sahin, il-ko-fundatur ta’ BioNTech u wieħed mill-imħuħ wara l-vaċċin li qed jiġi żviluppat b’kollaborazzjoni mal-kumpanija farmaċewtika Pfizer, li din il-ġimgħa wera disgħin fil-mija effettività kontra l-virus.
Madwar tlieta u erbgħin elf persuna ħadu sehem fit-testijiet li qed isiru b’rabta ma’ dan il-vaċċin.
Il-Professur qal li din ix-xitwa xorta mistennija tkun waħda iebsa, għaliex il-vaċċin mhux se jkollu impatt kbir fuq in-numru ta’ infezzjonijiet.
Dan il-vaċċin qed jingħata f’żewġ dożi, tliet ġimgħat bogħod minn xulxin.
F’intervista mal-BBC, il-Professur Sahin qal li jinsab kunfidenti li l-vaċċin se jnaqqas ir-riskju ta’ trasmissjoni bin-nofs fl-istess waqt li jwaqqaf is-sintomi f’dawk li jkunu ħaduh.
Qal li minkejja li għadu mhux ċar b’kemm eżatt mistenni jonqos ir-riskju ta’ trasmissjoni, dan xorta waħda jista’ jirriżulta fi tnaqqis drammatiku tal-firxa tal-virus.
Wara li fil-bidu tal-ġimgħa ħarġet l-aħbar tal-effettività tal-vaċċin, Professur tal-Mediċina fl-Università ta’ Oxford qal li l-ħajja mistennija terġa’ lura għan-normal sar-rebbiegħa, iżda l-moħħ wara l-vaċċin xejjen dan u qal li mistenni jdum iżjed.
Ġie kkwotat jgħid li jekk kollox imur sew, il-vaċċin jibda jingħata fl-aħħar ta’ din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla, u l-ħajja tibda titreġġa’ għan-normal fix-xitwa li jmiss.
Il-mira hi li sa April li ġej, aktar minn tliet mitt miljun doża tal-vaċċin tasal għand in-nies.
“L-impatt tal-vaċċin jibda jinħass fis-sajf meta r-rata ta’ infezzjonijiet tibda tonqos, imbagħad l-importanti li jitlaqqmu iktar nies qabel il-ħarifa u x-xitwa biex verament jibda jinħass l-impatt”, saħaq il-Professur, li qal li huwa essenzjali li l-programmi ta’ tilqim jitlestew kollha sal-ħarifa li jmiss.
Mistoqsi jekk il-vaċċin huwhiex effettiv fost l-anzjani daqskemm huwa fost iż-żgħażagħ, il-Professur qal li t-tweġiba għal din il-mistoqsija mistennija tkun iktar ċara tul it-tliet ġimgħat li ġejjin.
Żied li għadu mhux magħruf kemm l-immunità ddum wara t-tieni doża tal-vaċċin għalkemm qal li tilqima oħra bħala booster m’għandhiex tkun daqstant kumplikata biex tingħata jekk l-immunità għall-virus tinżel sew wara sena.
Il-Professur Sahin qal li sa issa, l-effetti tal-vaċċin huma uġigħ ħafif sa moderat fil-parti tal-ġisem fejn tingħata għal ftit jiem, u kien hemm min kellu deni ħafif jew moderat tul l-istess perjodu.
Fuq nota pożittiva qal ukoll li sa issa ma kien hemm ħadd li kellu xi effetti serji mill-vaċċin li seta rriżulta biex twaqqaf jew ġie xolt l-istudju.