F’attività politika fl-Isla, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kellu appell ċar għaż-żgħażagħ u n-nisa, fejn sostna li dan huwa l-mument li fih pajjiżna qed isejħilhom biex ikunu l-mexxejja tiegħu.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin, li fil-qalba tagħha hemm iż-żgħażagħ u n-nisa.
Qal kif, “Il-pajjiż għandu bżonnkom. Dan hu l-mument tagħkom, dan hu l-mument fejn il-pajjiż qiegħed isejjaħ lil kull żagħżugħ u żagħżugħa. Mhux qed isejħilkom biex tipparteċipaw fil-periferija imma biex tkunu l-mexxejja tiegħu. Il-mexxejja mhux għada, ejja ma nitkellmux iżjed li ż-żgħażagħ huma ħames snin oħra, għaxar snin oħra, iż-żgħażagħ huma llum, il-mexxejja tal-lum.”
Dr Abela esprima x-xewqa li pajjiżna jkollu l-aktar kabinett żagħżugħ u b’aktar parteċipazzjoni femminili fl-istorja.
Spjega li, “Irridkom miegħi bħala parti mit-tim li se nkunu qegħdin immexxu dan il-pajjiż fil-leġislatura li jmiss. Kruċjali li tkunu hemmhekk, fil-qalba ta’ dak il-kabinett illi jrid imexxi lil dan il-pajjiż lejn ħames snin mill-isbaħ.”
Il-Prim Ministru stqarr li għandna nħarsu ’l quddiem b’pożittività u b’ottimiżmu.
F’dan il-kuntest semma li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tibgħat aħbarijiet inkoraġġanti ta’ kuljum, bil-ġurnata li jkollna vaċċin kontra l-COVID-19 disponibbli, dejjem qiegħda toqrob.
Qal li, “Ħsibna kif ħsibna tul il-pandemija mhux li jkollna b’kemm ngħaddu imma iżjed u iżjed milli għandna bżonn biex niżguraw ruħna li jkollna għal kulħadd. Dak l-għaqal ta’ kif innegozjajna u bdejna b’dan il-proċess mhux illum jew ġimgħat ilu meta bdew jgħidu li qegħdin jgħidu li qegħdin viċin li jinstab il-vaċċin. Bdejna mal-mument li tfaċċat il-pandemija.”
Dan filwaqt li f’nofs pandemija, għal ġimgħa oħra, pajjiżna rnexxielu jerġa’ jnaqqas il-qgħad.
Dr Abela tenna stqarr li dan ma kienx riżultat li nkiseb mix-xejn iżda frott ħidma konġunta bejn il-Gvern u n-negozji.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-għotja ta’ ħames miljun ewro tal-Gvern għall-proġett ta’ Puttinu biex jinbnew appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra.
Qal li minbarra dawn il-flus, il-Gvern se jagħti żewġ miljuni u ħames mitt elf ewro oħra fuq medda ta’ ħmistax-il sena, u iktar għajnuna lill-pazjenti.
Sostna kif, “Għal kull pazjent ħa nsemmi dawk li se jkunu qed jiġu akkomodati fiċ-ċentru ta’ Londra, fl-għoxrin appartament fiċ-ċentru ta’ Londra. Għal kull pazjent, il-Gvern se jkun qed jgħaddi fis-sena, sebgħin elf ewro oħra.”
Il-Prim Ministru faħħar lill-poplu Malti tas-solidarjetà u reżiljenza li wera tul dawn il-mumenti diffiċli, li kien kapaċi jaffaċċjahom b’kuraġġ kbir biex Malta tkompli miexja ’l quddiem.