Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo reġa’ spiċċa fl-aħbarijiet, din id-darba mhux għax maqdar il-vouchers iżda għax ħadha qatta’ bla ħabel kontra ħidmet il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli li għadha kif nediet l-ewwel strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-persuni LGBTIQ.
Din l-istrateġija tfasslet fuq erba’ pilastri ewlenin, li huma l-indirizzar tad-diskriminazzjoni, is-sigurtà tal-persuni, il-ħolqien ta’ soċjetajiet inkussivi, u sejħa għal ugwaljanza sħiħa fuq livell globali.
L-istrateġija se torbot lill-Kummissjoni Ewropea biex fl-2021, testendi l-lista ta’ reati tal-Unjoni Ewropea, biex tinkludi wkoll reati u diskorsi ta’ mibegħda immirati lejn din il-komunità.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għal inizjattivi li jiġġieldu dawn ir-reati.
L-istrateġija se tagħmel tajjeb ukoll biex familji LGBTIQ jkunu rikonoxxuti anke meta jiġu biex jaqsmu l-fruntieri interni tal-Unjoni Ewropea.
Iżda għal dan kollu Edwin Vassallo mar jikteb fuq facebook u sejjaħ dak li nediet Helena Dalli bħala Marxiżmu fl-aqwa tiegħu.
Edwin Vassallo, magħruf kemm hu konservattiv, tant li kien ivvota kontra liġi tal-vjolenza domestika, kritika lil Helena Dalli.
“Hekk kienet f’pajjiżna u issa hekk baqgħet fl-Unjoni Ewropea”, saħaq Vassallo għal Helena Dalli li għal osservaturi politiċi oħrajn hija magħrufa kemm taħdem u ħadmet f’pajjiżna favur l-ugwaljanza.
Edwin Vassallo qal li dak imressaq ‘il quddiem minn Helena Dalli favur iżjed inklussività għall-komunità LGBTIQ huwa dittatura demokratika u totalariżmu fl-aqwa tiegħu.
Dawn il-kummenti ta’ Edwin Vassallo ġabu kritika kbira ta’ deputat tal-Oppożizzjoni.
Anki l-Moviment Malti għad-drittijiet tal-persuni omosesswali, l-MGRM, kritika d-dikjarazzjonijiet ta’ Edwin Vassallo u nnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddisassoċja ruħu wara li nkitbet l-istqarrija tal-MGRM.