Fis-sentejn li għaddew il-Knisja imponiet restrizzjonijiet fuq ħames persuni b’rabta ma’ każijiet ta’ abbuż sesswali. Dan fuq rakkomandazzjoni tas-Safeguarding Commission tal-Knisja.
Fil-fatt mir-rapporti annwali tal-2018 u 2019 joħroġ kif erba’ persuni ġew imposti fuqhom restrizzjonijiet fuq il-ħidma tagħhom fil-Knisja fl-2018, filwaqt li persuna oħra kellha imposti fuqha restrizzjonijiet fis-sena li għaddiet. Il-Knisja imponiet restrizzjonijiet ukoll fuq tliet persuni oħra b’relazzjoni ma’ abbuż fiżiku u emozzjonali u prattika ħażina.
Il-Kap tas-safeguarding commission Andrew Azzopardi spjega kif il-Kummissjoni magħmula minn professjonisti awtonomi joħorġu b’rakkomandazzjoni lill-Knisja jekk twaqqafx persuna li fuqu hemm allegazzjoni ta’ abbuż milli jaħdem mat-tfal jew adult vulnerabbli.
Qal kif, “Imbgħad id-deċiżjoni tal-kummissjoni tmur għand id-‘decision maker’, jekk hux l-isqof jew għand is-superjur reliġjuż biex aħna imbgħad nieħdu deċiżjoni interna fuq kif nistgħu nimmanagejaw ir-riskju. Hekk kif aħna ma niddeċiedux jekk persuna hix ħatja jew innoċenti, dak huwa x-xogħol tal-qrati. Aħna naraw jekk hemmx riskju.”
F’Konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġew ippreżentati r-rapporti annwali tal-2018 u 2019, id-deputat Chairman tas-Safeguarding Commission, ir-Reverendu Antoine Farrugia spjega kif il-Kummissjoni qed tħarreġ ukoll impjegati tal-Knisja. Tul dawn is-sentejn il-Kummissjoni ħarrġet total ta’ 966 għalliem, katekist, reliġjuż, seminarist u voluntier. Dan filwaqt li l-Università ta’ Malta wkoll qed toffri ċertifikat ġdid fil-Ħarsien tat-Tfal u ż-Żgħażagħ b’kollaborazzjoni ma’ din l-istess Kummissjoni.
Għall-bidu tas-sena d-dieħla mistennija tkun ippubblikata wkoll reviżjoni tal-policy tal-Knisja dwar il-ħarsien kontra l-abbuż. Dan hekk kif il-Knisja issa hija impenjata li ma tħallix żbalji li saru fil-passat jirrepetu ruħhom temm jingħad fil-konferenza tal-aħbarijiet.