Wara li ġew revokati l-permessi għal erba’ operaturi ta’ fish farms tat-tonn, Alternattiva Demokratika faħħret din id-deċiżjoni, anki jekk baqgħat turi kawtela.
“Nuqqas ta’ infurzar ta’ veru, speċjalment fil-qasam ambjentali, ilha karatteristika normali għall-awtoritajiet Maltin. Bħala riżultat ta’
dan in-nuqqas ta’ infurzar, l-ambjent jinsab f’qagħda ddegradata. L-operaturi tal-fish farms m’huma l-ebda eċċezzjoni għal din l-imġiba u ilhom jiksru l-kundizzjonijiet tal-permessi tagħhom għal bosta snin, bir-riżultat li kien hemm bosta ordnijiet ta’ infurzar li ġew injorati minn dawn l-operaturi.
Wieħed mill-impatti negattivi ta’ dan kollu kien il-kontaminazzjoni tal-ibħra tagħna minn ragħwa żejtnija, b’konsegwenza li n-nies ma setgħux jgħumu. Ħsara kbira għan-nies u anki għall-ekonomija lokali bbażata fuq it-turiżmu. Kellha tkun l-għajta mġarrba tan-nies biex tqajjem lill-awtoritajiet mill-apatija, u biex dawn jieħdu azzjoni” qal Simon Galea, kelliem ta’ AD dwar Agrikoltura u ħarsien tal-annimali.
Temm jgħid li l-ġustizzja ambjentali titwettaq biss meta dawn l-attivitajiet illegali jieqfu darba għal dejjem.