Matul is-sena skolastika 2016-2017 l-istudenti kollha fl-iskejjel primarji se jingħataw il-faċilità li jidħlu b’xejn fi 22 sit ta’ Heritage Malta, fi kwalunkwe ġurnata tas-sena. Minbarra dan, sa massimu ta’ żewġ adulti li jakkupanjaw dawn it-tfal ikunu jistgħu jidħlu b’nofs prezz.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħabbru din l-inizzjattiva f’konferenza tal-aħbarijiet.
L-għan ta’ din l-iskema l-ġdida hi li jħeġġu lill-ġenituri, nanniet, familjari jew kuraturi li jieħdu lit-tfal iżuru s-siti storiċi li pajjiżna huwa mżejjen bihom.
Sabiex wieħed japplika għal card li tippermetti l-aċċess, wieħed irid izur is-sit www.heritagemalta.org. L-iskema tapplika kemm fost il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa. Ma tapplikax biss meta jkun qed jittella’ xi avveniment speċjali li f’wieħed minn dawn it-22 sit ta’ Heritage Malta.
Il-Ministru Bonnici qal li l-iskema se tkun qed tagħmel is-siti ta’ Heritage Malta aktar aċċessibli u b’hekk il-wirt kulturali Malti ikun dejjem aktar qrib il-poplu Malti u Għawdxi.
L-iskema se tgħin aktar biex il-poplu japprezza l-importanza ta’ dawn is-siti storiċi u fl-istess waqt toffri mod ta’ rikreazzjoni għal-familja. Jekk l-inizjattiva tkun suċċess, tista’ tigi estiża għas-snin skolastiċi li ġejjin.
L-uniku eċċezzjoni se jkun l-Ipoġew, li minħabba raġunijiet ta’ konservazzjoni jaħdem b’sistema ta’ pre-booking f’numri zgħar ħafna. Dak li jidher fir-ritratt ta’ fuq huwa l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Forti Sant’Iermu.
L-inizzjattiva twettqet b’ħidma kongunta bejn Heritage Malta u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Ritratt: DOI