Fil-Parlament illejla għaddiet liġi b’mod unanimu favur estensjoni fl-età tal-irtirar tal-ġudikanti.
Din il-liġi għaddiet wara li kien hemm bżonn żewġ terzi tad-deputati li jivvutaw favur minħabba tibdil fil-Kostituzzjoni.
B’din il-liġi l-ġdida, li issa għaddiet mill-istadju tat-tielet qari u jonqosha biss il-firma tal-President tar-Repubblika, issa l-ġudikant għandu l-għażla li ta’ ħamsa u sittin sena jagħżel li jibqa’ jservi fuq il-bank tal-ġudikatura għal tliet snin oħra.
Din il-mozzjoni ta’ estensjoni fl-età tal-irtirar tal-ġudikanti kienet ssemmiet ukoll fid-diskors tal-budget.
Din l-estensjoni mistennija tfisser aktar effiċjenza fil-Qrati Maltin hekk kif ser tkompli tindirizza l-ammont ta’ każijiet li għad irridu jinqatgħu filwaqt li l-Qorti flimkien maċ-ċittadini ma jitilfux mill-għerf li kapaċi joffru l-veterani fil-qasam legali.
Intant fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza ntqal li din l-emenda hija turija ċara tal-impenn tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, biex permezz ta’ din il-miżura u miżuri konkreti oħrajn issaħħaħ s-settur ġudizzjarju ta’ pajjiżna. Filwaqt li jkun assigurat li l-ġustizzja f’pajjiżna tkun iktar effiċjenti u aċċessibbli għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.