Deputati Nazzjonalisti jinsabu konfużi skomdi u maqsumin dwar l-aġir ta’ Jason Azzopardi li ġie żvelat li raqad f’kamra mħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, f’lukanda lussuża fl-Iżrael.
Filwaqt li ċertu deputati għażlu li ma jikkummentawx, kien hemm oħrajn li ġibdu l-linja tal-Kap Bernard Grech u ddefendew lil Jason Azzopardi bil-qawwa kollha.
Id-dikjarazzjoni ta’ David Thake, li Jason Azzopardi kellu jirrikorri għall-grupp li kien imexxi Yorgen Fenech biex isib kamra fl-art fejn twieled il-bambin, sabet ukoll l-appoġġ ta’ Mario Galea.
Min-naħa l-oħra, deputati oħrajn ħassewhom skomdi jwieġbu, x’jagħmlu huma meta jiġu biex imorru f’lukanda, jekk jagħmlux bħal Jason Azzopardi u jċemplu lil ta’ Tumas.
Deputati Nazzjonalisti oħra pruvaw jiżolqu ħelu ħelu mill-mistoqsijiet tagħna, fosthom Kristy Debono li kienet marret tiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech wara li sar magħruf li hu kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.
Intant il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius għadda kumment ta’ min jixtarr.
Quddiem l-aġir ta’ Jason Azzopardi li jippriedka tant il-korrettezza, Agius qal li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabilità.