Ġurnata memorabbli u ħolma li saret realtà, grazzi għal għajnuna tal-Gvern.
Kliem il-Viċi President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri l-għada li l-Gvern ħabbar li se jkun qed jagħti ħames miljun ewro sabiex Puttinu jkun jista’ jwettaq proġett meħtieġ ferm ta’ għoxrin appartament fil-qalba ta’ Londra.
Cushieri spjegat ma’ dan l-istazzjon kif kull xahar bejn sittin u disgħin pazjent qed jitilgħu Londra għall-kura.
Qalet kif, “Ilbieraħ kienet ġurnata memorabbli għal Puttinu Cares għaliex sa fl-aħħar wara ħafna snin ta’ tiftix għal proġett, din il-ħolma se ssir realtà. Il-pazjenti li tant għandhom bżonn, bħalissa għandna 20 appartament ġewwa Sutton però dawk ma kenux biżżejjed. Konna qed nikru sitta oħra u xorta ma kenux biżżejjed għax sfortunatament bejn sittin u disgħin pazjent qed ikollhom isiefru l-Ingilterra għall-kura kull xahar.”
Bħalissa l-Gvern Malti jħallas ħamsin sterlina kull lejl għall-akomodazzjoni tal-pazjenti fiċ-ċentru ta’ Londra.
Il-qraba tal-pazjent iridu jħallsu ħamsa u tletin sterlina kull lejl, għal kull persuna. B’hekk l-ammont fil-ġimgħa għal żewġ qraba jitla’ għal kważi ħames mitt sterlina, b’kamra tal-banju li tkun komuni għal sular sħiħ. Wieħed irid jinnota li dan l-ammont jista’ jibqa jitħallas għal xahar u f’xi każijiet oħra anke snin.
Iżda issa b’dan il-proġett ġdid ta’ appartamenti li se jkun jiswa’ ‘l fuq minn ħamsa u għoxrin miljun ewro, il-qraba mhux se jkunu qed iħallsu sold wieħed għal akkomodazzjoni f’Londra, iddum kemm iddum il-vista tagħhom fl-isptarijiet.
Dan hekk kif il-Gvern se jkun qed jagħmel tajjeb għal ħlasijiet anki t’appartamenti eżistenti f’Sutton u jagħti għotja ta’ mija u ħamsin elf ewro lil Puttinu kull sena.
Il-Viċi President ta’ Puttinu kompliet tispjega li bħalissa l-appartamenti huma totalment mimlija u ma hemmx wiesa’ sabiex tilqa’ għad-domanda ta’ pazjenti li qed jitilgħu kull xahar.
Żiedet tgħid li dawn l-appartamenti ġodda se jkunu viċin ħafna l-isptarijiet u se tittaffa b’mod qawwi l-problema tal-postijiet. Għall-pubbliku Cushieti kellha appell wieħed.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat spjega kif il-programm ta’ Ċittadinanza b’investiment kellu sehem qawwi f’dawn il-ftehim għal ħmistax-il sena.
Qal kif, “Il-Programm ta’ Ċittadinanza għalhekk twieled biex dak l-investiment u l-ġid kollu illi jiġi minn dan il-programm inwarrbu l-maġġoranza tiegħu, 70% tal-ġid kollu illi jiġi ġġenerat biex nużawha għall-affarijiet ta’ bżonn.”