Il-kelb tad-Dwana Żekkin, għamel l-ewwel qabda tiegħu permezz tax-xamm fejn għamel sejba ta’ €16,295 fi flus mhux iddikjarati.
Żekkin beda il-ħidma tiegħu mad-Dipartiment tad-Dwana lura f’Settembru. Hu għandu sentejn u huwa tar-razza Labrador, Żekkin ġie mħarreġ mill-Forzi tal-Fruntiera tar-Renju Unit, liema forzi hi meqjusa bħala l-aqwa fit-taħriġ ta’ dawn il-klieb.
Wara jiem ta’ ħidma flimkien mal-handler tiegħu, Żekkin illum għamel l-ewwel qabda tiegħu ta’ flus mhux iddikjarati.
Żekkin għamel din is-sejba fuq passiġġier mill-Indoneżja qabel tela’ fuq titjira lejn Istanbul. Wara li ġie mistoqsi kemm kellu flus fuqu, il-passiġġier qal li kellu €3,000 b’Żekkin indika li dan ma kienx minnu.
Wara tfittxija li saret minn uffiċjali tad-Dwana nstabu €16,295 fi flus mhux iddikjarati.