Jonathan Ferris u Maria Efimova qed jiġu akkużati fil-Qorti Maltija li fost l-oħrajn ħadu ġurament falz dwar l-istorja Egrant wara li l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ kienet semmiet lil dawn iż-żewġ persuni bħala tnejn li wettqu reat.
Maria Efimova waħidha hija akkużata li bejn April tal-2017 u Ġunju tal-2018, għamlet ħsara lil xi persuni u li akkużat lil xi persuni b’reat, filwaqt li kienet taf li dawn huma innoċenti.
Akkuża oħra fil-konfront ta’ Efimova hija li ħalfet falz quddiem dak iż-żmien Maġistrat Aaron Bugeja u li kissret il-kundizzjoniiet tal-liberta proviżorja imposti fuqha fl-2016, wara li din ħarbet mill-pajjiż.
Min-naħa l-oħra Jonathan Ferris qed jiġi akkużat li f’Jannar tak-2018 ħalef falz quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta Egrant.
L-Erbgħa filgħodu l-Maġistrat Joe Mifsud b’digriet tal-Qorti irrikuża ruħu minn din il-kawża hekk kif huwa diġà qed jisma’ każ ieħor, fejn Maria Efimova qed tiġi akkużata li għamlet akkużi foloz kontra dakhinar is-Supretendent Dennis Teuma u l-Ispetturi Jonathan Ferris u Lara Butters.
Efimova għadha sal-lum il-ġurnata ma ġietx interċetata sabiex tiġi notifikata b’dawn l-akkużi.
Bħalissa hemm mandant t’arrest Ewropew għal Efimova b’rabta ma’ dan il-każ.
Intant fuq il-paġna ta’ Facebook, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat appella sabiex isiru l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar dan il-każ u anki biex juru min kien il-moħħ wara dan il-pjan kollu.
Qal li jittama li l-persuni mressqa jikkollaboraw biex tkun magħrufa l-verità kollha u min huma n-nies oħra involuti, fosthom dawk li għadhom jinħbew wara s-suppost professjoni tagħhom.
L-Avukat Pawlu Lia se jkun qed jidher bħala parte civile għal Dr Joseph Muscat u għal martu Michelle Muscat matul dawn il-proċeduri.
Dan wara li kien ġie allegat li s-Sinjura Muscat hija s-sid tal-kumpanija Egrant.
Dr. Muscat kien talab li ssir inkjesta u ċaħad li hu jew xi ħadd jiġi minnu huwa s-sid ta’ Egrant.
L-inkjesta indipendenti kienet sabet li l-istorja li Egrant kienet ta’ xi ħadd mill-familja Muscat hija gidba.