Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed isib uħud mill-ogħla esponenti tal-establishment Nazzjonalista jilqgħulu u jiddefenduh wara li ġie żvelat li mar jorqod għal ħamest ijiem f’kamra mħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, fil-lukanda lussuża tal-Hilton ta’ Tel Aviv.
Fost l-esponenti ewlenin li ppruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel hemm Manuel Delia, l-eks chief of staff t’Austin Gatt u li ta spiss jiġbed l-attenzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u jwissih biex ma jgħaxxaqhiex għaliex inkella jsibu lil xi ħaddieħor floku.
Manuel Delia fisser ir-rigal li ngħata Jason Azzopardi meta tħallsitlu l-kamra bħala “paid a small hotel bill for Jason Azzopardi” u “the value of the ‘gift’ is small”.
Minn riċerka sempliċi li għamel ONE News u li kulħadd jista’ jagħmel, din il-lukanda ta’ ħames stilel li tinsab max-xatt u l-parti ċentrali u sabiħa tal-belt Iżraeljana ta’ Tel Aviv, tiġi tiswa madwar elfejn ewro għal kamra modesta f’din il-lukanda lussuża.
Din l-ispiża ma tinkludix il-kolazzjon li ONE News huwa infurmat li jkun abbundanti u mimli varjetà ta’ ikel fin.
Dan apparti li l-lukanda toffri kmamar ferm iżjed lussużi u mimlija faċilitajiet oħra u li sa issa Jason Azzopardi żamm fommu sieket dwar x’tip ta’ kamra ħallaslu l-grupp Tumas li kien imexxi s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Manuel Delia, li d-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo jsemmih bħala tal-Arriva, kompla joħroġ għonqu għal Jason Azzopardi u qal li huwa inġust li lil Azzopardi jsejħulu ipokrita.
Saħansitra qal li huwa malizzjuż li Jason Azzopardi jiġi msejjaħ bħala ipokrita.
Dan fl-isfond li Jason Azzopardi tant jieħodha qatta’ bla ħabel kontra min kellu rabtiet ma’ Yorgen Fenech, fosthom l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li dwaru kien ġie allegat li ħa xi flus m’għand Fenech biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa.
Intant it-Tnejn filgħaxija, ONE News mar biex jistaqsi lil Jason Azzopardi dwar x’ħa m’għand il-grupp li fih hemm involut Yorgen Fenech u staqsejnih b’mod ċar jekk qatt ħa xi ħaġa oħra apparti l-kamra mħallsa f’lukanda f’Tel Aviv iżda Jason Azzopardi nfexx jattakka b’argumenti oħra u assolutament ħassu skomdu jwieġeb il-mistoqsijiet ċari tagħna.
Jason Azzopardi qed jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet pertinenti jekk qattx ħa xi ħaġa m’għand il-grupp li fih kien hemm involut dak li huwa mixli bħala l-mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia u sa ftit tal-jiem ilu, fuq ix-xandir nazzjonali qal li ma jiftakarx jekk qattx ħa xi ħaġa m’għand il-grupp ta’ Yorgen Fenech.