B’investiment ta’ ħamsa u sebgħin elf ewro id-Dipartiment tal- Protezzjoni Ċivili f’Delimara se jkompli jissaħħaħ permezz ta’ tagħmir ġdid.
Waqt żjara mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri u l-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, Michael Farrugia, intqal kif inxtraw vetturi għall-istazzjon ta’ Delimara.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psalia sostna kif b’dan l-investiment, l-iskwadra ħa tkun mgħammra aħjar biex tagħti servizz.
Qal kif, “Dan l-investiment hu importanti ħafna għall-istazzjon ta’ Dellimara għax b’hekk ħa nkomplu nkabbru l-makkinarji u l-vetturi tagħna. Issa għandna dawn iż-żewġ vannijiet għall-grass fires tal-madwar u l-ieħor ħa jkun għall-operazzjonijiet ta’ rescue. Bihom it-taqsima ta’ Delimara ħa jkollha erba’ vetturi.”
Il-Ministru Camilleri saħaq kif dan l-investiment huwa riżultat ta’ pjan ċar li jaħseb biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkompli jsaħħaħ il-flotta tiegħu.
Spjega li, “Bħala Gvern ninvestu ħafna fil-Protezzjoni Ċivili u fil-budget li ressaqna għas-sena d-dieħla, qed nagħmlu investiment kapitali rekord fil-protezzjoni ċivili.”
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li l-impenn ta’ dan il-gvern hu li jassigura li l-Protezzjoni Ċivili għandha l-aħjar apparat sabiex jkunu jistgħu jaffaċjaw l-isfidi li jinqalgħu.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, Michael Farrugia, qal li dan it-tagħmir fis-sezzjoni ta’ Delimara qed isir bi ftehimiet ma’ entitajiet oħra bħall-Enemed u l-Enemalta.
Qal li, “Il-Koperazzjoni li għaddejja bejn l-Enemed, l-Enemalta u anke id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hija waħda kontinwa li ila għaddejja tul dawn l-aħħar snin anke b’investiment li qed jagħmlu dawn iż-żewġ korporazzjonijiet u għajnuna li jagħtu lid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili”.