Aktar minn elf u sitt immigrant Afrikan ġew salvati u daħlu fil-Gżejjer Kanarji fi Spanja tul tmiem il-ġimgħa li għadda.
Elf minnhom waslu s-Sibt biss fuq għoxrin dgħajsa.
Fl-aħħar xhur kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta’ immigranti mill-Punent tal-Afrika li ppruvaw jaqsmu lejn dawn il-gżejjer, li jinsabu biss mal-mitt kilometru bogħod mill-kosta tat-tramuntana tal-Afrika.
Skont il-Gvern Spanjol, aktar minn ħdax-il elf immigrant ġew irreġistrati li waslu fil-Gżejjer Kanarji din is-sena, meta mqabbel mal-elfejn u ħames mitt wasla fl-istess perjodu s-sena l-oħra.