Fra’ Marco Luzzago ġie elett bħala Logutenent il-ġdid tal-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann.
Dan wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda tlaqqa’ l-Gran Kunsill tal-Ordni Sovrann ta’ Malta fil-Palazz Maġisterjali f’Ruma.
Għal darb’oħra, f’okkażjoni rari fi storja ta’ kważi elf sena ta’ dan l-Ordni ta’ Ġerusalemm, il-Kavallieri ma ħatrux Gran Mastru iżda Logutenent fi żmien fejn l-Ordni għaddej minn riforma Kostituzzjonali.
Fost it-tibdil propost hemm li eliġibbli għal Gran Mastru ma jkunx hemm biss iżjed il-Kavallieri professi li jiffurmaw parti min-nobbiltà iżda anki Kavallieri professi oħra jew Kavallieri oħra nobbli.
B’dan it-tibdil allura, żewġ Kavallieri Maltin, Fra’ John Edward Critien, li huwa Kavallier profess iżda mhux nobbli u l-Marchesino Daniel de Petri Testaferrata, li huwa Kavallier mhux profess iżda nobbli, ikunu eliġibbli li anki jsiru Gran Mastri.
F’Ruma, Luzzago ħa l-ġurament tal-ħatra ta’ Logutenent tal-Gran Mastru għal sena f’idejn il-Kardinal Elett u Delegat Speċjali tal-Papa, Silvano Tomasi
Fra’ Ruy Villas Boas, li kien il-Logutenent ad interim libbes l-insigna tal-Logutenent lill-Eċċellenza Tiegħu Fra’ Marco Luzzago.
Il-Logutenent il-ġdid tal-Gran Mastru tal-Ordni ta’ Malta huwa Taljan, jiġi minn Papa Pawlu VI, studja l-mediċina u jgħodd 70 sena.
Huwa se jkollu l-istess poteri ta’ Gran Mastru u se jidħol fil-kariga wara li f’April li għadda miet il-Gran Mastru Fra’ Giacomo Dalla Torre del Tempio di Sanguinetto.
B’rabta ma’ dan l-iżvilupp fl-Ordni li għandu rabta speċjali ma’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Fra’ Marco Luzzago.
I augur Fra Marco Luzzago after his election as Lieutenant of the Grand Master of the Sovereign Order of Malta 🇲🇹 – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 9, 2020