L-Awtorità tal-Ippjanar irrevokat l-permessi tal-fish farms tat-tonn, wara qbil unanimu milħuq mill-bord tal-Awtorità. B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera, stqarr li jinsab sodisfatt b’din id-deċiżjoni li permezz tagħha ġew irrevokati fit-totalitá tagħhom il-permess ta’ żvilupp biex joperaw il-fish farms qrib il-kosta.
Dan wara li fl-aħħar laqgħa ma ntlaħaqx qbil u l-Awtorità kienet ħarġet avviż ta’ infurzar ta’ emerġenza fil-konfront ta’ erba’ operaturi li qed joperaw mhux skont il-liġi. F’Lulju, wara konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Gvern żied il-pieni għal sitt operaturi, wara li nstab li kellhom numru ta’ illegalitajiet.
Fi stqarrija, l-Ministru fisser kif id-deċiżjoni tal-lum turi l-impenn u r-rieda soda li kellu dan il-gvern li wara daqstant snin ħa din il-kwistjoni b’serjetà u ma ħalliex l-illegalità tipperpetwa ruħha.
“Ta’ min ifakkar li kien dan il-Ministeru li aktar kmieni dan is-sajf ħa din il-kwistjoni b’serjetà kbira u flimkien mal-awtoritajiet konċernati ttieħdu pożizzjonijiet iebsa ħafna fil-konfront ta’ dawn is-sidien li kienu qed joperaw illegalment.” Il-Ministru spjega kif bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar, il-pożizzjoni iebsa li ħa l-istess Ministeru f’dan ir-rigward ġiet konvalidata.
Il-Ministru Herrera appella sabiex issa l-operaturi jaderixxu maż-żmien indikat lilhom mill-Awtorità sabiex jirrilokaw l-operazzjoni tagħhom fiż-żoni ta’ akkwakultura barra mill-kosta. Dan fl-interess tas-sostenibbiltà tal-industrija u tal-poplu inġenerali.